L-Internet u t-tfal

    L-internet illum sar għodda li ħadd,l- anqas it-tfal ma jistgħu jgħaddu mingħajru. L-internet għandu ħafna x’joffrilhom u jpoġġihom f’kommunikazzjoni mal-kumplament tad-dinja. Jekk irridu li t-tfal tagħna jibqgħu javanzaw f’din id-dinja moderna, allura bil-fors iridu jkunu kapaċi jużaw l-internet. Sa ftit ilu konna nitkellmu fuq il-computer u l-aċċess li dan jgħati imma illum l-istess għodod ta’ aċċess nistgħu insibhom ukoll fuq il-mobile li l-istess tfal għandhom fil-but tagħhom. Għallimna lill-ġenituri sabiex jipproteġu lit-tfal tagħhom …. nsostnu sabiex ma nħallux lit-tfal fuq il-computer waħedhom għax apparti l-ġid li jista jsir, hemm ukoll min hu lest li jagħmllilhom il-ħsara. Issa l-periklu jista jkun fil-but, fuq il-mobile, għalhekk qabel ma nħallsu għal xi apparat naraw hux qed inressquhom lejn xi riskju li jista jkollu effetti negattivi.

    U għalhekk jinħtieġ ħafna li nedukaw lit-tfal dwar ir-riskji li jeżistu hemm barra għax ma nistgħux nkunu magħhom il-ħin kollu. Iżda fl-istess ħin ma nistgħux inbeżżgħuhom imma nispjegaw il-fatti kif inhuma u nippreparawhom għal sitwazzjonijiet ta’ abbuż li jistgħu jintaqgħu magħhom. Forsi hawn min jgħid li l-aħjar huwa li ma nħallux lit-tfal jużaw il-computer. Imma apparti li dan mhux daqshekk possibbli, inkunu qed ngħalqu lill-dawn it-tfal f’bozza u noħolqulhom żvantaġġ ikrah. Huwa ħafna aktar għaqli ngħallmuhom ….

    It-tfal iridu jkunu jafu li hemm nies hemm barra li fil-waqt li juru lilhom infushom bħala ħbieb tat-tfal, forsi ukoll taparsi daqshom fl-eta, dawn ma huma xejn ħlief pedofili li qed ifittxu kull opportunita sabiex jidentifikaw tfal vulnerabbli. L-internet huwa ‘medium’ li joffri l-anonimita u fantażija u t-tfal iridu jirrejalizzaw illi dak li-persuna jkun qed jikteb mhux neċċessarjament qed jgħid il-verita. Ma hemm xejn li jivverifika li dak li qed jinkiteb jirrifletti veramnet min hu l-awtur.

    Mela t-tfal għandhom ikunu mgħallma li dak li ‘jintqal’online jista ma jkunx verita. Importanti ukoll li qatt ma jgħatu informazzjoni personali bħal isimhom, indirizz, skola fejn imorru, n-numru tat-telfon. Jista jkun li xi ħadd jippoża ta’ tifel / tifla ta’ l-istess eta allavolja jkun persuna adulta bi skop li jidħol qrib mat-tfal u jitkixxef informazzjoni personali li biha t-tifel / tifla jista jiġi identifikat.

    Meta jsiru dawn l-affarijiet, il-persuna adulta tidħol bil-mod il-mod biex lit-tfal ma tnaffarhomx u dawn, bl-innoċenza kollha jaħsbu li dan hu xi ħabib tagħhom u ġieli jintalbu jintaqgħu ma min kien qed jikkuntattjhom fuq l-internet. Aktarx jintalbu sabiex iżommu dak li jkun għaddej bħala sigriet. Huwa mportanti ħafna li ngħallmu lit-tfal li m’għandhomx jagħmlu appuntamenti ma xi persuna li saru jafu fuq l-internet bi ħsieb li jintaqgħu magħhom.

    Imma sabiex nistgħu ngħaddu dawn il-messaġġi lit-tfal tagħna irid ikollna relazzjoni miftuħa u qrib tagħhom. Ġenituri distanti mit-tfal jistgħu ikunu l-bogħod wisq mit-tfal b’tali mod li ma jkunx hemm relazzjoni tajba biżżejjed biex dawn it-tip ta’ diskussjonijiet jistgħu isiru. Dan ikun b’detriment għat-tfal.

    Ngħallmu lit-tfal li qatt m’għandhom itellgħu ritratti tagħhom fuq l-internet jew jibgħatuhom lil nies li ma jafuhomx. Il-kelma ‘friend’ fuq l-internet għandha sinifikat differenti …. kulħadd jista jkun ‘friend’ imma mhux neċċessarjament ħbieb tat-tfal li jkunu jridulhm il-ġid. Ritratt li tpoġġa fuq l-internet qatt ma jista jinġabar lura.

    It-8 ta’ Frar hija ġurnata iddedikata għal tagħrif dwar l-abbuż li jista jsir fuq l-internet. Nħasset il-ħtieġa għal dan sabiex dejjem jiżdied l-għarfien dwar il-perikli li jista’ jjkun hemm. Iżda kif diġa għidt importanti li ngħidu l-fatti kif inhuma lit-tfal u mhux nesaġeraw u nbeżżgħu.

    Uri interess f’ dak li jħobbu jagħmlu t-tfal u itlobhom juruk is-siti l-aktar li jogħġbuhom. Uża l-computer magħhom. Jekk ma tħallihomx se jużawh minn warajk jew jużaw ta’ sħabhom. Ftakar li anke jekk ikun hemm xi nċident fejn, per eżempju xi ħadd iħajjar lil xi tfal jippużaw b’xi mod mhux rispettabbli, huma l-vittmi u mhux responsabbli ta’ l-azzjoni. Jekk xi ġenitur jew adult ieħor isir jaf b’xi ħaġa abbużiva fuq l-internet, ċemplu lil-179 jew agħmlu rapport fuq www.besmartonline.org.mt

    Il-Unit tas-Cyber Crime tal-Pulizija flimkien ma l-Aġenzija Appoġġ jieħdu dawn ir-rapporti b’serjeta kbira. Flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza.

    Sina Bugeja
    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali