L-Inġustizzja u l-Ugwaljanza

    Kull min għandu t-tfal żgħar jew iqatta’ ħafna ħin magħhom jinduna li minn ta’ età bikrija l-bniedem għandu l-ħila jintebah meta tkun qed isseħħ inġustizzja fil-konfront tiegħu. Ta spiss nisimgħu lit-tfal, kemm meta jkunu qed jilgħabu flimkien u anke meta jkunu qegħdin jirraġunaw, jużaw il-frażi, “imma mhux fair”.  Lit-tfal nisimgħuhom jużaw din il-frażi meta jindunaw jew iħossu li xi ħadd mhux qed jimxi sew magħhom. Skond studjuża dwar is-suġġett tal-ugwaljanza, aħna l-adulti rari naħsbu dwar kif dan is-sens ta’ inġustizzja jinbet fina minn età daqshekk żgħira. Din l-istess studjuża tgħid li għandna nużaw dawn l-istess mumenti biex nistaqsu u ngħinu lit-tfal idawwru din l-idea t’inġustizzja f’waħda produttiva u li tħares lejn dak li qiegħed jiġri madwarhom. Permezz t’hekk inkunu qegħdin ngħinu lit-tfal biex b’mod kritiku jibdew jitgħallmu jevalwaw in-natura tal-ugwaljanza u x’jikkonsisti f’li trattament ikun ġust jew inġust kemm lejhom, iżda aktar u aktar lejn is-soċjeta b’mod ġenerali.
    Ir-riċerka turi li huma verament ftit li xejn in-nies li jgħidu li jaqblu mal-inġustizzja. Iżda, għalkemm minn ta’ età żgħira nifhmu xi tfisser inġustizzja, jekk nagħtu titwila żgħira madwarna nindunaw kemm ngħixu f’dinja mimlija inġustizzji. Ħafna drabi nqisu dawn l-inġustizzji bħala parti mill-ħajja ta’ kuljum, daqs li kieku huma n-norma u għax tant ilhom iseħħu li donnu issa m’għandna l-ebda kontroll fuqhom. Aktar minn hekk hemm min jaħseb li issa wasalna fi żmien li huwa tard wisq u allura m’hemm xejn li jista’ jsir biex dawn l-inġustizzji jiġu mnaqqsa jew meqruda għal kollox.
    Skont l-akkademiċi, il-ħames prinċipji li fuqhom hija msejsa l-inġustizzja huma: li l-elitiżmu huwa effiċjenti; li l-esklużjoni hija neċċessarja, li l-preġudizzju huwa normali; li r-regħba hija tajba; u li d-disperament huwa inevittabli. Iżda l-istudji juru wkoll li l-maġġorranza tan-nies li jaqblu ma’ dawn il-prinċipji huma dawk li għandhom il-qawwa u l-poter fl-aktar pajjiżi sinjuri fid-dinja. Li ma nindunawx huwa li kull wieħed minn dawn il-prinċipji t’hawn fuq qed joħloq gruppi ta’ vittmi differenti bħal: delinkwenti, dawk li huma esklużi, dawk li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja, u dawk skartati mis-soċjetà.
    L-oppost tal-inġustizzja hija l-ugwaljanza u hija l-unika forma ta’ għodda li għandna biex inkunu nistgħu niġġieldu l-każijiet ta’ inġustizzja li jseħħu madwarna. Illum il-ġurnata għandna ħafna liġijiet u direttivi biex jiġġieldu l-inġustizzja u li jisħqu fuq l-ugwaljanza, kemm fuq livell Nazzjonali, Ewropew u anke Internazzjonali. Iżda waħda mill-problemi tibqa’ li għalkemm nafu liema huma l-inġustizzji, u għalkemm  sirna tant konxji dwar is-sens ta’ inġustizzja, anke sa minn età zgħira, ftit huma l-individwi li għandhom l-għodda, l-għajnuna u s-saħħa biex jiġġieldu l-inġustizzja. Għalhekk nerġa’ mmur lura għall-bidu ta’ dan l-artiklu, u mal-ewwel darba li nisimgħu t-tfal illissnu, ‘imma mhux fair’, huwa fid-dover tagħna l-adulti li ngħallmuhom kemm xi tfisser l-inġustizzja, izda iktar minn hekk xi tfisser ukoll l-ugwaljanza. Għandna ngħallmuhom ukoll biex ma jkunux huma li joħolqu inġustizzja lejn dawk ta’ madwarhom. Dan għaliex kieku kulħadd jagħti ftit inqas kas tiegħu nnifsu u iktar kas ta’ dawk ta’ madwaru, żgur li inkunu qed innaqqsu ftit mill-inġustizzja u inżidu naqra aktar ugwaljanza.

    Amy Camilleri Zahra