L-immigrazzjoni f’pajjiżna

    Unsplash

    F’dawn l-aħħar snin il-popolazzjoni ta’ Malta splodiet. Dan mhux għax kien hawn xi rata straordinarja ta’ twelid, iżda kibret bis-sħiħ minħabba ż-żieda ta’ immigranti f’pajjiżna. Ħafna drabi meta tissemma immigrazzjoni, il-ħaġa li tiġi f’moħħ dak li jkun hija l-immigranti Afrikani jew kif jissejħu fit-triq ‘is-suwed jew il-klandestini’ li jiġu f’pajjiżna fuq xi biċċa dgħajsa, jew xi dinghy li ħafna drabi jkun qed jagħmel l-ilma.

    Iżda għalkemm dawn huma fost l-immigranti, dawn mhumiex l-uniċi u bħalhom hemm diversi immigranti oħra mill-kontinenti l-oħra tad-dinja. Fil-fatt ikun żball kbir jekk nillimitaw il-problema tal-immigrazzjoni għal dawn l-Afrikani. L-Afrikani huma parti mill-immigranti iżda mhux kollox.

    Għal dik li hija problema ta’ piż fuq is-soċjetà Malija, ma nara l-ebda differenza bejn Somalu jew Eritrean li ġie hawn b’dgħajsa u wara sab xogħol fil-kostruzzjoni u Filippin jew Serb li daħal hawn bis-sewwa u li qiegħed ukoll jaħdem fil-kostruzzjoni. Id-differenza hi l-mod kif daħlu hawn Malta u xejn aktar. L-isfortuna hi li ħafna drabi xi nies jaraw lil Afrikan aktar ikrah mill-oħrajn minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu. Iżda dan hu ħażin għax dan waħdu jikkwalifika bħala razziżmu. U jekk hemm piż dan il-piż qed joħolqu kull immigrant mhux dawk tal-ġilda skura biss.

    Ħafna jilmentw mill-kultura jew aħjar mit-taħlit tal-kulturi. Iva, nemmen li dan iħalli impatt negattiv fuq is-soċjetà Maltija. Iżda t-taħlit tal-kulturi ma jiswiex għall-Afrikani biss. Il-kultura tan-nies mil-Lvant tal-Ewropa mhi xejn bħal kultura tal-Maltin, anzi lili personalment iddejjaqni ferm aktar mill-kultura tal-Afrikani. Kulturi oħra ta’ Indjani, Pakistani, u Filippini, li minnhom għandna ħafna jaħdmu f’Malta mhi xejn simili għal kultura tal-Maltin. Iżda sfortunatament dawn in-nazzjonijiet ftit li xejn jiżżeffnu fil-problema tal-immigrazzjoni. U hawn ikolli nammetti li parti mill-problema tal-immigrazzjoni kif jarawha ħafna Maltin hi mżewqa b’doża qawwija ta’ razziżmu, għax kif għedt l-immigrazzjoni mhix l-Afrikani biss.

    Sa ftit żmien ilu qabel ma daħlet il-misħuta pandemija, ix-xogħol kien għaddej fl-aqwa tiegħu. Ma kontx issib ħaddiem, speċjalment fil-kostruzzjoni. Dan kien kalamita biex ħafna barranin kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll le, ġew jaħdmu Malta. Dwar il-ħaddiema ġejjin mill-Unjoni Ewropea ftit li xejn wieħed jista’ jikkummenta għaliex illum dawn jiġu hawn bi dritt. Iżda apparti dawn ġew ħafna nies barra l-Unjoni li meta fettlilhom ukoll kienu ta’ problema fuq is-soċjetà Maltija. Daqskemm kien hawn Afrikani li tressqu l-Qrati, daqshekk ieħor kien hemm ammont imdaqqas ta’ persuni minn pajjiżi oħra li tressqu fil-Qrati anke b’reati ferm serji.

    Hu minnu illi dawn l-immigranti kienu qed jgħinu billi jżidu n-numru ta’ ħaddiema. U ngħiduha kif inhi ċerta xogħlijiet jew li huma ta’ strapazz żejjed jew li huma meqjusa bħala ‘dirty work’ dejjem qed jispiċċaw isiru mill-immigranti bojod jew suwed.

    Minn naħa l-oħra naqbel li l-immigrazzjoni żejda ġejja minn fejn ġejja qed tkun ta’ piż fuq is-soċjetà Maltija. Il-gvern irid jara kif jindirizza din is-sitwazzjoni. Malta hija żgħira wisq biex terfa’ daqshekk immigranti mal-popolazzjoni densa illi għandna. Batut ma jerfax ieħor u ma nistgħux inkunu ta’ sostenn għal pajjiżi oħra billi nilqgħu nies minn għandhom aktar minn li nifilħu. L-iskuża li għandna bżonnhom għax-xogħol mhix skuża tajba u hi skuża ‘short term’, u jekk wieħed jaħseb bil-għaqal hemm soluzzjonijiet kif kien hemm sa ftit snin ilu. Il-Gvern għandu jkun ferm u ferm aktar iebes fuq dawk li jissejħu visas għax-xogħol. Daqshekk ieħor għandu jkun riġidu fejn tidħol immigrazzjoni illegali. Ċert li bħalma ġara fil-passat jista’ jiġri issa. Għal żmien twil il-problema tal-immigrazzjoni illegali kienet raqdet. L-isforz li sar dakinhar għandu jsir issa. Malta ma tiflaħx għal aktar. Irridu nagħmlu aktar sforz biex innaqqsu l-immigrazzjoni ġejja minn fejn ġejja.