L-ilpup ta’ Kastilja

    Kliem aħrax ferm, sentenzi mimlija mibegħda, stmerrija u insulti ilhom snin jintużaw ta’ kuljum fl-editorjali tal-ġurnal ‘l-orizzont’. Ftit jiem wara l-elezzjoni dan l-istil tant stona mad-diskorsi li bdew isiru kontra l-użu ta’ lingwaġġ daqstant agressiv, li s-sidien tal-istess gazzetta – il-General Workers’ Union – ħassew il-ħtieġa li jiddisassoċjaw irwieħom minnu.
    L-editur li kien jikteb u jippubblika dawn l-editorjali ma damx wisq iktar jaħdem mal-Orizzont. Mhux għax tkeċċa, tafux! Josef Caruana, bħal ħafna oħrajn qablu, kien imissu jingħata l-premju għall-ħidma distruttiva li wettaq. U ftit ġimgħat wara l-elezzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat tah job f’Kastilja.
    M’iniex infurmat mil-liema uffiċċju qed jaħdem. Forsi ngħata l-iskrivanija ta’ ħdejn Glen Bedingfield li minn Kastilja beda jikteb blogg intiż biex jattakka u jintimida lil kull min kellu l-ardir jiftaħ ħalqu fuq il-korruzzjoni ta’ dal-Gvern. Jista’ jkun ukoll li poġġewh ħdejn Kurt Farrugia, li ma’ Muscat u oħrajn għamel karriera twila jaħdem fil-biċċerija tan-nies meqjusa għedewwa tal-Labour jisimha Super One.
    Kif qed taraw, il-propogandisti li Muscat għażel għal miegħu f’Kastilja mhumiex nagħaġ, iżda lpup li nafu li ma jiddejqu xejn jigdmu u jqattgħu bi snienhom lil min hemm bżonn, kemm hemm bżonn, meta hemm bżonn.
    Magħhom u bħalhom kemm trid hemm fil-Ministeri u fil-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista. Ma’ dawn hemm riġment ieħor onlajn li l-hena tagħhom imexxu l-propoganda li jkunu bellgħulhom taħt l-artikli u fuq is-siti soċjali.
    Ironikament, fl-aħħar snin din l-organizzazzjoni bdiet tbigħ lilha nnifisha bħala ‘pożittiva’. Jgħiduha llum, jgħiduha għada u jgħiduha pitgħada, waqt li fl-istess ħin jirredikolaw u jkissru lill-avversarji politiċi tagħhom bla ebda skruplu, irnexxielhom – il-bumbardament ħadem u ta l-frott.
    Muscat u l-ilpup tiegħu bdew ukoll jittimbraw ‘negattiv’ (fost aġġettivi oħra) lil kull min azzarda jitkellem dwar il-ħniżrijiet li bdew jinqabdu li għamlu dawk l-iktar ‘l fuq fil-ġerarkija ta’ din l-organizzazzjoni. Min beda jikxfilhom il-borom u jitkellem dwar l-intiena li bdiet ħierġa minnhom kellu jissikket jew ikun skreditat b’tali mod li kliemu jsir irrilevanti.
    Huwa evidenti li l-istrateġija ta’ din l-iktar magna politika distruttiva u b’saħħitha fil-pajjiż, li ħafna minnha hi ffinanzjata minn bwietna stess, hi li tinnewtralizza għal kollox lil kull min jista’ jkun ta’ xkiel għat-tkomplija tax-xalata li għaddej biha dan il-Gvern. Muscat se juża l-ilpup tiegħu kollha biex jilħaq dan l-iskop, f’kull jum li se jagħmel fit-tmexxija.
    L-agħar ħaġa li jistgħu jagħmlu l-avversarji politiċi tiegħu hija li huma wkoll jibilgħu din il-propoganda u jispiċċaw jirrepetuha, jiddiskutuha u jagħtuha kredibbiltà. Ix-xogħol u d-dmir tal-forzi tal-oppożizzjoni huwa li jġibu aktar nies f’sensihom għar-realtà, mhux li jingħaqdu fil-gidba li jriduna ngħixu l-ilpup ta’ Kastilja.
    Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġenerali.