L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

    Nhar is-7 ta’ Marzu 2016, il-Qorti tal-Appell (Superjuri), komposta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri, tat is-sentenza fil-kawża fl-ismijiet Medina Healthcare Limited vs. Central Procurement and Supplies Unit, Id-Direttur tal-Kuntratti u Cherubino Limited għal kull interess li jista’ jkollhom.
    Medina Healthcare Ltd kienu appellaw minn deċiżjoni tal-Bord tar-Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi tas-17 ta’ Novembru 2015. Dan il-Bord kien laqa’ appell ta’ Cherubino Ltd minn deċiżjoni tas-Central Procurement and Supplies Unit li offerta ta’ Cherubino Ltd għal non woven material titwarrab u tingħata lil terzi. Fil-11 t’April 2014 id-Direttur tal-Kuntratti kien ħareġ sejħa għal xi materjal biex jintuża fl-isptarijiet u kienu saru seba’ offerti, fosthom tnejn minn Cherubino Ltd u waħda minn Medina Healthcare Ltd. B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2015, Cherubino Ltd ġiet infurmata li l-offerta tagħha ma ntlaqgħetx. Fis-6 ta’ Lulju 2015, Cherubino Ltd appellat din id-deċiżjoni u qalet li l-offerti tagħha kienu ta’ €69,000 u ta’ €82,800 rispettivament, filwaqt li l-offerta ta’ Medina Healthcare Ltd kienet ta’ €76,971.40.
    Il-Bord tar-Reviżjoni kien ikkonkluda li peress illi s-sample pprovdut ġie distrutt u għalhekk ma setax jiġi eżaminat minn espert sabiex jiġi determinat jekk l-offerti ta’ Cherubino Ltd kinux teknikament tajbin, allura t-tender kellu jinħareġ mill-ġdid. Medina Healthcare Ltd appellat mid-deċiżjoni tal-Bord. L-ewwel aggravju mressaq minn Medina Healthcare Ltd kien li l-Bord tar-Reviżjoni ma messux laqa’ l-oġġezzjoni ta’ Cherubino Ltd minħabba li l-ittra li permezz tagħha oġġezzjonaw ma kellhiex raġunijiet ċari biżżejjed. Il-Qorti nnutat li fl-ewwel seduta, iċ-Chairman tal-Bord innota li l-ittra ta’ oġġezzjoni ma kienx fiha raġunijiet għall-oġġezzjoni u li dan ma kienx regolari. Għalhekk għadda biex jitlob lir-rappreżentant ta’ Cherubino Ltd sabiex verbalment jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu. Il-Qorti osservat li għalkemm kien ikun aħjar kieku l-ittra ta’ oġġezzjoni kellha r-raġunijiet tal-oġġezzjoni, ladarba l-Bord laqagħha bħala valida, allura l-Qorti kienet ser taċċettaha wkoll. Għalhekk l-ewwel aggravju ta’ Medina Healthcare Ltd ġie miċħud mill-Qorti.
    Fit-tieni aggravju mressaq minnha, Medina Healthcare Ltd qalet li l-Bord kien korrett meta skwalifika lil Cherubino Ltd u ordna li terġa’ tinħareġ sejħa għal offerti. Fl-aggravju, intqal ukoll li meta offerta tkun sottomessa, l-offerta ma tikkonsistix biss f’lista ta’ rekwiżiti tekniċi tal-prodott offert, iżda wkoll tal-kampjun sabiex il-qbil tal-kampjun mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jkun jista’ jiġi konfermat. Il-Qorti nnutat li meta l-Bord ikkonkluda biex jissepara l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mill-kampjun, huwa aġixxa kontra dak li kien mitlub fis-sejħa oriġinali, jiġifieri li jiġu sottomessi offerti komposti minn kampjun flimkien ma’ deskrizzjoni tal-kwalitajiet tekniċi tiegħu. Kif kien qal is-Central Procurement and Supplies Unit, l-ewwel pass huwa li jiġi żgurat li offerta hija amministrattivament konformi u t-tieni pass huwa li jiġi żgurat li offerta hija teknikament konformi. Għalhekk hawn ġie konfermat li fil-fatt, Cherubino Ltd kienet issottomettiet kampjun li ma kienx konformi mad-deskrizzjoni teknika tiegħu stess u li f’dak il-każ, kienet deċiżjoni tajba li titwarrab l-offerta ta’ Cherubino Ltd. Għalhekk il-Qorti ħassret id-deċiżjoni tal-Bord u kkonfermat id-deċiżjoni oriġinali tas- Central Procurement and Supplies Unit.

    Nota: Min jixtieq iktar informazzjoni huwa mitlub jaqra s-sentenza sħiħa li tinsab online fuq il-website www.justiceservices.gov.mt. Id-dettalji kollha meħtieġa sabiex wieħed isib din is-sentenza huma mogħtijin fl-introduzzjoni.