L-għażla ta’ Edward Scicluna għal Gvernatur tal-Bank Ċentrali hi ta’ ħsara kbira għal pajjiżna

    Miguela Xuereb

    Il-pubbliku, inkluż jien, kellu impressjoni pjuttost tajba tal-Professur Scicluna qabel l-2013. Din l-immaġini baqgħet intatta sakemm Scicluna dam membru tal-Parlament Ewropew. Iżda meta Scicluna sar Ministru tal-Finanzi, il-maskra tiegħu waqgħet u beda jberraq għal pajjiżna.

    Jekk ikolli nagħżel kelma biex b’mod ġenerali niddeskrivi l-komportament ta’ Edward Scicluna bħala Ministru tal-Finanzi, nagħzel il-kelma “ċass”. Kien fid-dmir li jkun gwardjan tal-finanzi tagħna l-Maltin, tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna madwar id-dinja, ta’ l-impjiegi inġenerali u b’mod partikolari dawk fis-settur finanzjarju. Iżda Scicluna dan m’għamlux, anzi għamel bil-kontra. Baqa’ ċass u f’okkażjonijiet minnhom, għamel agħar minn hekk. Abdika mid-doveri tiegħu lejna. Ippermetta li jinħolqu ċ-ċirkustanzi biex is-susa tidħol u tmermer il-qalba tas-setturi tant importanti li għalihom hu kien responsabbli għal seba’ snin u nofs.

    Fl-aħjar ipotesi, baqa’ ċass meta ppermetta li l-Gvern jiffirma kuntratti oxxeni mal-Electrogas u mal-Vitals.

    Ma tniffisx meta l-Gvern iddeċieda li jgħabbina b’garanzija bankarja ta’ €360 miljun ewro għall-Electrogas.

    Baqa’ ċass meta l-Gvern kien qed iwikkilna penali ta’ 100 miljun ewro f’każ li niddeċiedu li nħassru d-deal maħmuġ tal-Vitals. Fi kliem Scicluna stess, lanqas biss kien induna li kien qed jiġi iffirmat dan il-ftehim. Dan ma jiskulpahx, anzi jaggrava l-pożizzoni tiegħu.

    Meta ministru kollega tiegħu u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru nqabdu bi strutturi finanzjarji sigrieti f’ġurisdizzjoni li għandha l-fama li hi ċentru għall-ħasil tal-flus, Scicluna ma baqax biss ċass. Ipproteġa lil Konrad Mizzi bil-vot tiegħu fil-Parlament u baqa’ jpoġġi spalla ma’ spalla mal-perċimes ta’ tant ħniżrijiet.

    Lanqas baqa’ ċass biss meta neħħa mill-FIAU assistent kummissarju tal-Pulizija u minfoku poġġa lir-raġel ta’ kollega tiegħu fil-partit, Silvio Valletta, li wara sirna nafu li kien ħaġa waħda u proteġa lis-sid ta’ 17 Black u l-allegat mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minflok, ikkundanna pubblikament żewġ uffiċjali tal-FIAU u akkużahom li kienu kitbu rapporti bl-intenzjoni li jkunu ‘leaked’. Ħoll xagħrek u ġib iż-żejt, dawn iż-żewġ uffiċjali immedjatament tkeċċew mill-FIAU. Ara lil Silvio Valletta, ħallieh fil-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU sa meta Valletta rriżenja mill-Korp tal-Pulizija.

    Issa Robert Abela jrid li Scicluna jkun il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ pajjiżna. Id-deal bejn Abela u Scicluna seta’ jaraha kulħadd. Scicluna ma riedx jirriżenja minn Ministru tal-Finanzi qabel ma Abela kien se jikkommetti ruħu pubblikament li kien se jinnominah għal din il-kariga.

    B’konsegwenza tad-deċiżjoni ta’ Robert Abela li jpoġġi lil Edward Scicluna f’pożizzjoni tant importanti, aħna l-Maltin se nitwikkew bi Gvernatur tal-Bank Ċentrali li jinsab taħt inkjesta maġisterjali flimkien ma’ Chris Cardona u Konrad Mizzi dwar allegati atti kriminali inkonnessjoni mal-bejgħ ta’ tliet sptarijiet tal-poplu Malti, bi Gvernatur tal-Bank Ċentrali li la għandu d-dispożizzjoni u wisq anqas is-sinsla li jagħmel dak li hu mistenni minn persuna li tkopri kariga daqstant sensittiva.

    Dan kollu mhux qed iseħħ f’vakum, iżda fix-xhur li fihom pajjiżna mill-ġdid jinsab taħt eżami importantissimu tal-Moneyval. Kull min b’xi mod jew ieħor ikollu x’jaqsam mal-FIAU jaf kemm l-imġiba irresponsabbli ta’ Edward Scicluna u sħabu ġabet fuq pajjiżna għawġ u kemm dan kollu ħoloq riskji kbar fil-ħajja ta’ kuljum ta’ eluf ta’ Maltin, kemm f’termini ta’ multi u sanzjonijiet oħra imposti mill-FIAU u kif ukoll f’termini ta’ telf ta’ xogħol u negozju.

    Edward Scicluna hu l-kontra ta’ dak li rridu lil uliedna jkunu, ta’ dak li rridu lill-persuni li jservu fl-istituzjonijiet ta’ pajjiżna jagħmlu. Edward Scicluna ma jistax isewwi l-ħsara li hu u sħabu għamlu lil pajjiżna. Jista’ biss jieqaf jagħmel il-ħsara u jikxef dak kollu li jaf dwar il-ħniżrijiet li seħħew taħt imnieħru.

     

    Dr Robert Aquilina huwa President tal-NGO Repubblika