L-għaqda AD/PD: Ma tagħmilx sens

    Għandi rispett kbir lejn in-nies li jimmilitaw fl-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku. Nemmen li t-tielet partit politiku f’Malta jista’ biss isaħħaħ il-proċess demokratiku f’pajjiżna. Madankollu, xorta waħda assolutament ma nistax nifhem kif l-Alternattiva Demokratika qed tingħaqad mal-Partit Demokratiku biex jifformaw entità politika waħda. Qed ngħid dan għaliex filwaqt li l-AD għandha passat ta’ diversi inizjattivi xellugin, il-PD sa ftit ilu kien f’koalizzjoni ma’ partit politiku lemini, jiġifieri l-Partit Nazzjonalista.

    Sfortunatament, naħseb li din l-idea tal-għaqda AD/PD hija att ta’ disperazzjoni minn żewġ partiti politiċi żgħar li qed jaraw il-ftit appoġġ li kellhom ikompli jisfuma fix-xejn kawża tal-polarizzazzjoni politika li reġgħet ħakmet lil pajjiżna u fejn f’din il-klima politika  ħafna nies iqisu vot għal wieħed mill-partiti ż-żgħar bħala vot moħli.

    Mill-esperjenza li għandi fil-qasam politiku, nasal ngħid li l-problema prinċipali tal-partiti ż-żgħar hija li diffiċli jattiraw lejhom kandidati ta’ ċertu kalibru. Rajna kemm dan huwa veru mill-fatt li meta, minħabba ċirkostanzi partikolari fil-Partit Laburista, politiċi ta’ ċerta fama bħal Godfrey u Marlene Farruġia spiċċaw ingħaqdu mal-Partit Demokratiku, dawn kienu l-uniċi kandidati tal-partiti ż-żgħar li ġew eletti fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2017.

    Problema oħra relatata mal-partiti ż-żgħar hija dik tal-finanzi. Dawn il-partiti politiċi ma jistgħu qatt ikunu finanzjarjament b’saħħithom daqs kemm huma b’saħħithom il-partiti l-kbar. Allura, il-kampanja pubbliċitarja tagħhom qabel elezzjoni ġenerali se tkun fjakka meta mqabbla ma’ tal-partiti l-kbar. Tgħiduli: “għalhekk se jingħaqdu,propju biex itaffu uħud minn dawn il-problemi”. Xorta nemmen li se jfallu f’dan il-għan għaliex billi jingħaqdu, la se jiġbdu lejhom kandidati ta’ stoffa u, wisq inqas, sostenn finanzjarju.

    Barra minn hekk, hemm ħafna nies li dejjem ammiraw partit politiku bħall-Alternattiva Demokratika għall-fatt li dan il-partit dejjem żamm sod mal-prinċipji tiegħu bħala partit tal-ħodor u qatt ma kien popolist jew għawweġ u ġebbed il-prinċipji tiegħu biex jirbaħ il-voti. Issa qed jingħaqad ma’ partit żgħir ieħor (il-Partit Demokratiku) li sa ftit ilu kien għadu f’koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista li żgur li l-ideoloġija politika tiegħu hija ferm differenti minn dik tal-AD. Dawn il-puristi politiċi żgur se jiddarrsu bl-għaqda AD/PD.

    Għalhekk, naħseb li huwa żball li l-Alternattiva Demokratika tingħaqad mal-Partit Demokratiku għaliex din hija għaqda totalment irrazzjonali li ma tagħmilx sens.