L-Għalliema – Esperjenza Umana

    Group Of Elementary Age Children In Art Class With Teacher

    Fl-isfond tas-sitwazzjoni pandemika li laqtet lil pajjiżna, l-għalliema kellna nirrikorru għal sistema differenti ta’ tagħlim li minkejja l-benefiċċji tagħha, żgur li ma tibdiex mal-kuntatt uman li aħna jkollna mal-istudenti li huwa l-qofol ta’ xi tfisser li tkun għalliem.

    Is-sitwazzjoni li ninsabu fiha wrietna kemm il-ħidma li jwettqu l-għalliema għadha u tibqa’ indispensabbli. Kważi temozzjona ruħek tisma’ ċertu kummenti ta’ studenti li jistqarru bla ħabi u bla mistħija li qed jimmissjaw l-ambjent tal-iskola, l-ambjent tal-klassi u anki lilna l-għalliema u jridu jfittxu jidħlu lura l-iskola. Dan huwa prova mill-aktar ċara li li tkun għalliem ma jfissirx biss li inti tgħaddi l-materjal lill-istudenti għat-tagħlim tagħhom, għax it-tagħlim, anki f’din is-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha, għalkemm b’mod differenti, baqa’ għaddej.

    Mela għaliex ħafna studenti qed iħossu n-nuqqas tal-iskola? Għax fl-iskola minbarra post fejn jiltaqgħu ma’ sħabhom, l-istudenti jsibu għalliema li ġenwinament jinteressahom li jimxu ‘l quddiem u li jirnexxu b’mod sħiħ bħala persuni f’ħajjithom. Iva, għalhekk jien għalliem għax irrid nara li l-istudenti afdati f’idejja mhux biss jirnexxu, iżda jkollhom ħajja sabiħa quddiemhom bħala persuni sħaħ.

    Nistqarr li f’mumenti ta’ nuqqas ta’ apprezzament minn xi individwi li huma maqtugħin mix-xogħol bla heda li jagħmlu l-edukaturi, tiġi t-tentazzjoni li la darba jkun jidher li f’xi waqtiet xogħli mhux apprezzat, nibda nagħmel biss dak li jaħsbu xi individwi – naħdem biss fil-ħin tal-iskola, u nagħmel biss dak li jaħsbu xi wħud li qatt ma daħlu fiż-żarbun ta’ għalliem. B’hekk, imbagħad, ikollhom raġun dawn in-nies jgħidu li naħdem ħinijiet tajbin u b’ħafna vaganzi. Iżda mbagħad, nerġa’ niġi f’posti u mill-ġdid inkompli nistinka:

    – meta niftakar f’dak l-istudent li ħadd ma jkun qallu bonġu kmieni filgħodu qabel wasal l-iskola u l-ewwel bonġu li jisma’ tkun tiegħi

    – meta niftakar f’dak l-istudent li hu mweġġa’ għax iħossu waħdu u mhux maħbub u jħossu aħjar meta noqgħod bilqiegħda ħdejh u nurih li hemm ħafna nies li jħobbuh u li jagħtu kasu

    – meta niftakar f’dak l-istudent li jiġi kburi quddiemi jurini biċċa xogħol ta’ kitba kreattiva li jkun għamel u jistaqsini x’naħseb dwarha

    – meta niftakar f’dak l-istudent li wara l-eżamijiet jiġi jirringrazzjani talli għentu biex jakkwista r-riżultat li xtaq u b’hekk jista’ jkompli jistudja għax-xogħol li dejjem ħolom li jagħmel

    – meta niftakar f’dak l-istudent li wiċċu jixgħel xħin jara t-tbissima fuq fommi għax jagħraf li għalija, hu mhuwiex numru

    – meta niftakar f’dak l-istudent li jkun qed jistenna bil-ħerqa t-Tnejn filgħodu – anki jekk quddiem sħabu jgħid li ddejqu l-iskola – għax ikun jista’ jaħrab ftit mill-infern li għandu d-dar

    – meta niftakar f’dak l-istudent li jara fija l-figura ta’ missier li jagħti kasu u li jridlu l-aqwa ġid għax lil missieru naturali ma jafux jew jixtieq li qatt ma sar jafu

    – meta niftakar f’dak l-istudent li jħossu kuntent għax iċċajta miegħi u jara li jiena kapaċi nieħu ċajta u nkompli miegħu meta tad-dar dejjem jaħtfuh xħin jipprova jiċċajta daqsxejn

    – meta niftakar f’dak l-istudent li jgħidli grazzi tal-ħin li qattajt billejl nikkoreġilu xogħlu u niktiblu l-kummenti biex hu dejjem imur aħjar.

    – meta niftakar f’dak l-istudent li jħossu komdu jitkellem u jiftaħ qalbu miegħi għax jaf li m’iniex se niġġudikah

    – meta niftakar f’dak l-istudent li b’sempliċi tixjira ħafifa jew high five inkun għamiltlu l-ġurnata isbaħ u tellajtu l-Ġenna

    – meta niftakar f’dak l-istudent li jħossu aħjar għax nistaqsih il-mistoqsija sempliċi: “kif int?”

    – meta niftakar f’dawk l-eks studenti li kif jilmħuni jiġu ħdejja biex ikellmuni għax iħossuhom komdi miegħi u dejjem juruni li japprezzaw dak li nkun għamilt magħhom.

    – meta niftakar f’ħafna affarijiet oħra li bħalissa m’iniex niftakarhom Ċert li dan il-kliem jista’ jinkiteb mill-maġġoranza l-kbira tal-għalliema li mhumiex f’din il-professjoni għax xi darba studjaw biex saru għalliema iżda għax jaraw f’xogħolhom opportunità li jħallu marka mill-isbaħ fil-ħajja tal-istudenti li niltaqgħu magħhom.

    Iva, jiena kburi li jien għalliem.