L-għadab tal-populisti

    Donald Trump

    Read in English.

    It-terminu politiku ta’ ‘populiżmu’ twieled meta fis-seklu 19 il-Partit Popolari Amerikan ta lilu nnifsu dan it-titlu. Il-Partit Popolari kien partit agrarju xellugi u kien jippromwovi azzjoni ekonomika kollettiva favur il-bdiewa. Fis-snin 1920 dan it-terminu ġie introdott fil-lingwa Franċiża biex jiddeskrivi grupp ta’ kittieba li wrew simpatija lejn in-nies ordinarji.

    Aktar reċenti dan l-istil ta’ politika ġie attribwit lil mexxejja politiċi bħal Donald Trump, fl-Istati Uniti, Nigel Farage u Boris Johnson, fir-Renju Unit, Matteo Salvini fl-Italja, Viktor Orban tal-Ungerija, u bosta politiċi liberali oħra ta’ fama mhux daqshekk tajba.

    M’hemm l-ebda definizzjoni ċara għal politika populista minħabba li ma teżistix ġabra koerenti ta’ ideat jew programmi politiċi. Il-Papa Franġisku nnifsu ammetta li “din hija kelma li kelli nitgħallem mill-ġdid fl-Ewropa għax fl-Amerika Latina għandha tifsira differenti.

    Lil hinn milli wieħed jintilef biex isib l-iktar definizzjoni xierqa, hemm karatteristiċi komuni fost dawn l-hekk imsejħa movimenti populisti, jew aħjar, mexxejja populisti.

    Dawn il-movimenti huma ġeneralment immexxija minn nies minfuħa bihom infushom. Id-diskorsi pubbliċi tagħhom u l-użu tal-midja soċjali huma mimlija b’sentimenti kontra l-istituzzjonijiet tradizzjonali u sentimenti qawwija ta’ nazzjonaliżmu. Għalihom hemm ‘in- nies tajbin’ u fuq in-naħa l-oħra hemm ‘il-klassi korrotta’, “għedewwa tad-demokrazija” jew “ipokriti”.

    Stqarrijiet komuni ta’ dawn in-nies jinkludu “aħna nagħtuk lura l-poter jew “nazzjon wieħed. Huma jappellaw għall-beżgħat, l-insigurtà, in-nuqqas ta’ għarfien, u jagħmlu wegħdiet fiergħa. Huma jattiraw nies li l-aktar iħossu li l-politika ġenerali ma għamlet xejn għalihom u jħossu li huma mhedda mill-mewġa qawwija ta’ immigrazzjoni. Jevitaw li jiddefinixxu programm politiku ċar. Minn naħa jippreferu s-sekulariżmu biex jgħaddu liġijiet taparsi biex isaħħu l-ugwaljanza. U minn naħa l-oħra, jiffavorixxu li jsemmu l-passat bħala xi ħaġa negattiva. Però jħobbu jgħidu li qed tiġi mittiefsa l-identità kulturali u nazzjonali.

    Sfortunatament, il-midja soċjali qed tmexxi l-opinjoni pubblika u dan ġej minn nuqqas ħin għal riflessjoni, sens ta’ disperazzjoni u n-nuqqas ta’ immaġinazzjoni soċjali. Dan kollu ta lok għall-mod ta’ kif qed issir ħafna mill-politika tal-lum.

    Il-Ġiżwita Bartolomeo Sorge, li kien il-vuċi tal-knisja dwar il-politika nisranija, fi ktieb li ppubblika s-sena li għaddiet ’Perche il Populismo fa Male al Popolo’ jilmenta li dak li ta lok għal dawn il-movimenti populisti kienu l-kriżi politika, ekonomika u soċjali. Ikompli jgħid ukoll li “dan wassal għal klima soċjali aggressiva u diviżiva”.

    Rajna r-rimarki inċendjarji u ta’ sfida minn Donald Trump fl-elezzjonijiet riċenti tal-Istati Uniti. Għal dawn il-mexxejja l-ġurnalisti indipendenti, li s-simpatija tagħhom ma tistax tinxtara, huma tradituri tal-poplu li jagħmlu ħsara kbira għad-demokrazija.

    Ir-reliġjon, għal dawn il-mexxejja, mhi xejn ħlief għodda ta’ diviżjoni. Bħal pereżempju, li jitneħħa b’mod espliċitu l-Iżlam mill-Ewropa. Ir-reliġjon għalihom hija sempliċiment fattur kulturali u mhux ġabra ta’ valuri. Xhur qabel l-elezzjoni tal-Istati Uniti tal-2016, websajt tal-fake news li kienet tippreżenta ruħha, b’mod falz, bħala stazzjon televiżiv lokali, ivvintat storja li l-Papa Franġisku kien approva lil Donald Trump bħala president. Rajna wkoll stqarrijiet ta’ fidi ta’ Matteo Salvini jgħolli l-kuruna tar-rużarju u Donald Trump iżomm il-Bibbja wara l-qtil razzista ta’ George Floyd.

    B’kuntrast, il-Papa Franġisku fl-aħħar enċiklika tiegħu Fratelli Tutti jinkoraġġixxi “l-fraternità bħala d-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana irrispettivament mill-oriġini, razza jew reliġjon, u l-liġi suprema tal-imħabba fraterna” u jikkundanna movimenti populisti minħabba li huma jfittxu popolarità billi jappellaw lill-iktar inklinazzjonijiet bażiċi u egoisti ta’ ċerti setturi tal-popolazzjoni”.

    Bla dubju l-aħħar elezzjoni presidenzjali Amerikana tat majnata lill-popolarità tal-populisti. Madankollu, ma nistgħux nevitaw ir-realtà ta’ dawn il-movimenti. In-nies huma diżillużi bl-istituzzjonijiet tradizzjonali għal raġuni. Il-politika għandha tkun hemm biex taqdi l-ġid komuni tan-nies u mhux l-interessi personali tal-politiċi u l-klikka tagħhom.

    Il-Papa San Pawlu VI kien stqarr li “il-politika, għalkemm spiss kritikata, tibqa’ vokazzjoni l-aktar għolja, hi waħda mix-xejriet l-aktar prezzjużi ta’ mħabba…”

    Il-politika vera tissawwar fuq aktar prinċipji sodi fejn il-politiċi jkunu miftuħin biex aktar jisimgħu lill-poplu u jifhmu t-tħassib tagħhom. Għandhom b’responsabbiltà jinsġu programmi politiċi sodi u realistiċi, ikollhom viżjoni konvinċenti,  u jippromwovu l-ġid komuni kif ukoll l-inklussività.