L-Ewwel tas-Sena …

    Għaddiet sena oħra u kif qed isir b’mod regolari, lejn l-aħħar tas-sena titella l-Istrina. Tittella mill-Uffiċċju tal-President b’ħafna impenn u b’riżultati fenomenali. U bil-flus li jinġabru isir ħafna ġid.

    Niftakar meta kont żgħira l-istrina fl-Ewwel tas-Sena, kienet mod kif aħna t-tfal konna nimlew il-karus tagħna b’dak li jagħtuna n-nanniet, z-zijiet u xi ħbieb tal-familja. Imbagħad għal kumplament tas-sena konna naraw kif mill-ftit flus li kien ikollna, naraw kif infaddlu xi ħaġa oħra ħalli imbagħad inpoġġu dak li jkollna il-bank. Dak il-ktieb tal-bank kien prezzjuż ħafna għalkemm l-ammonti li kien fih ma’ kienu sinifikanti xejn. Imma tgħallimna ħafna u tgħallimna  infaddlu ….għal meta jkun hemm bżonn.

    l-Istrina nazzjonali tagħmel eżatt l-istess ħaġa: tfaddal għall-bżonnijiet tal-poplu. Bżonnijiet li kieku ma jkunx hemm il-fondi speċifiċi  jista jkun li min illum qed jbbenefilka, sfortunatament ma’ jkollux biex jikkumbatti mal-problemi li jkollu. Smajna u rajna min huma n-nies li ibbenefikaw jew aħjar rajna lil min kien lest li juri wiċċu sabiex jiġbed u jħajjar lilna lkoll sabiex nikontribwixxu lejn din l-inizjattiva daqshekk ta’ ġid.

    Hawn ħafna nies li ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom iġibuhom f’sitwazzjoni vulnerabbli. U huwa f’dawn il-mumenti li wieħed ikollu bżonn ta’ għajnuna f’forma ta’ ffinanzjar qawwi ħafna jew għal kura jew għal bżonnijiet oħra. Ħafna jgħidu li qatt ma’ basru li huma ukoll se jiġu bżonn u bir-raġun … dejjem naħsbu li mhux se jiġri lilna imma ħadd ma’ hu aħjar minn ħadd u lkoll taħt l-istess sema.

    Imma fil-waqt li m’għandix ħlief kliem ta’ tifħir għal din l-inizjattiva, ma’niflaħx nisma min jgħid jew iħajjar lil ħaddieħor sabiex jgħati mill-aħjar li jista ‘għax min jaf, tista tkun int darba oħra’. Dan x’sens ta’ altruieżmu hu? Fejn hi s-solidarjeta lejn il-proxxmu? Ngħatu mill-aħjar li nistgħu għaliex il-bżonn huwa kbir u għaliex nemmnu li binn naqra tagħna min verament għandu bżonn se jsib l-għajnuna li jeħtieġ. U mhux għaliex jista jkun li jkollna bżonn aħna.

    Rajna record oħra din is-sena. L-ammont ta’ flus miġbura huma xhieda ta’ kemm il-poplu Malti jemmen fl-istituzzjoni ta’ l-Community Chest Fund. U jumejn wara l-Istrina imbagħad erġajna kkontribwixxejna bil-ġbir għad-dar tal-Providenza. Opra oħra fejn mitt persuna bi bżonnijiet speċjali jgħixu hemm. Din hija d-dar tagħhom u fl-ewwel tas-sena jiftħu l-bibien ta’ darhom sabiex jaqsmu ħajjithom magħna u juruna l-proġetti li jkunu qed jagħmlu.

    Hawn nies vulnerabbli f’pajjiżna u l-foqra qegħdin magħna imma hawn ħafna oħrajn li lesti li jgħatu minn qalbhom għal min qiegħed fil-bżonn. Dan hu li jgħaqqadna u li jagħmilna poplu wieħed u fil-waqt li hawn ħafna affarijiet li jifirduna, għandna ukoll niċeċ li jqarrbuna lejn xulxin. U fil-ħajja xejn ma’ jagħtik aktar sodisfazzjoni milli li tgħin lil ħaddieħor. Ejjew inkompluha din it-tradizzjoni u naraw li lkoll inkunu parti minnha.

     

    Sina Bugeja

    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali