L-ewwel ġimgħa ta’ Robert Abela

    L-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-Partit Laburista ġiet u għaddiet u llum għandna Prim ministru ġdid u kabinett ġdid. Għandna Prim Ministru li sa mill-ewwel ġimgħa tiegħu qed juri li għal dik li hi tmexxija tal-pajjiż mhux kuntent li sempliċament jilbes iż-żarbun ta’ ħaddieħor, iżda skont kif iħossu bżonnjuż hu – u hekk għandu jkun.

    Ir-reshuffle

    L-aktar ħaġa li kkaratterizzat din il-ġimgħa bla dubju kienet il-ħatra tal-kabinett. Fil-bidu tal-kampanja elettorali tiegħu għall-mexxej tal-PL, Robert Abela kien qal li mhux se jagħmel bidliet kbar fil-kabinett u li se jkun wara ż-żmien li se jara jkunx il-każ. Jidher biċ-ċar illi din il-wegħda ma żammhiex, għax biex nuża espressjoni li uża Franco Debono f’kumment fuq il-midja soċjali ‘il-kabinett ta’ Muscat ġabu trietaq’.

    Ma naqbilx ma’ min kkummenta illi r-reshuffle kienet sempliċi musical chairs għax nemmen illi l-bidla kienet ukoll fis-sustanza fejn ministri li kienu ilhom snin twal imkaħħlin ma’ siġġu partikolari nbidlilhom id-dekasteru. Hekk pereżempju Evarist Bartolo, għalliem di professjoni, dejjem kien sinonimu mal-edukazzjoni. Kif issemmi lilu awtomatikament tiġik f’moħħok l-edukazzjoni. Din id-darba tneħħielu dan id-dekasteru u ngħata l-affarijiet esterni u l-Ewropa – qasam li mhux bilfors hu l-forti ta’ Bartolo daqs l-edukazzjoni.

    … ma setax jagħmel mod ieħor

    Il-ministri li żammew posthom huma dawk li l-Prim Ministru kellu jdejh marbuta u ma setax jagħmel mod ieħor għax forsi ma kellux element tajjeb biżżejjed biex jissostitwixxi. Hekk pereżempju fil-finanzi żgur ma kellu l-ebda element aħjar minn Scicluna u kien ikun kontro sens kieku biddillu post. L-istess jingħad għal Fearne li kellu s-suċċessi tiegħu f’qasam tant delikat bħalma hu s-saħħa u li bla dubju huwa l-aktar membru tal-gvern fit for the job.

    Riżenja f’ġuf ommha

    Għawdex qatt ma jkun nieqes mill-kontroversji. Qed jingħad ħafna dwar x’wassal lil Robert Abela jikkonferma lil Justyne Caruana fil-Ministeru għal Għawdex. Jidher illi Abela ried b’saħħa lil Clint Camilleri, iżda qed jingħad li Caruana rreżistiet u minkejja li għal ħin twil kien hemm deadlock, fl-aħħar il-Prim Ministru kellu jċedi għax-xewqat ta’ Caruana. Frankament ma nafx din tal-Prim Ministru kinitx l-għażla ġusta. Għażla li ttappnet bir-rapporti fil-midja dwar is-safar ta’ żewġha ma’ Yorgen Fenech u li eventwalment wasslet għar-riżenja f’ġuf ommha tal-istess Caruana. Konvint li din kienet l-ewwel biċċa nkwiet għall-Prim Ministru novell li però iffaċċjaha bil-mod kif kellu jkun.

    Il-kabinett maħtur huwa wieħed żgħir fl-età, fejn għadd ta deputati żgħar sabu ruħhom madwar il-mejda tal-kabinett. Dan fih il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu. Iż-żgħożija hi sinonima mal-enerġija u l-ħeġġa u wieħed jistenna riflessjoni ta’ dan l-entużjażmu fil-ħidma ta’ dawn il-ministri. Ministri żgħar għandhom tendenza li jkunu aktar verġni u mhux imtappna minn xbieki ta’ korruzzjoni u ħażen. Min-naħa l-oħra ministri żgħar ikunu mhux biss nieqsa minn ċerta esperjenza iżda nieqsa wkoll minn ċerta ħażen li jista’ jirrendihom aktar vulnerabbli, fi kliem ieħor ma jkunux maturi politikament. U mhux dejjem ikunu dawk il-ħallelin li hemm bżonn ikunu, mhux biex jisirqu iżda biex ma jħallux lil min jisraqhom. F’dan il-kuntest, ċertu element matur bħalma huma Emanuel Mallia u Anton Refalo kienu jkunu ta’ kumpliment għal dawk iżgħar minnhom.

    Honeymoon?

    Tul din il-ġimgħa rajna r-riżenja tal-kummissarju tal-pulizija. Riżenja li forsi min qabel magħha u min le. Il-Prim Ministru preċedenti ma riedx jitlobha. Iżda meta tibda tisma’ episodji dwar nuqqasijiet serji minn investigaturi tispiċċa tgħid li din ir-riżenja kienet inevitabbli u li messha ilha li saret.

    Sa issa f’din il-ġimgħa l-Prim Ministru diġà kellu jieħu deċiżjonijiet tqal li jmorru ferm lil hinn mill-honeymoon li suppost gawda. Nawgurawlu biex ikompli jieħu dawk id-deċiżjonijiet li hemm bżonn b’kuraġġ u determinazzjoni għall-ġid tal-pajjiż.

    Dr Kevin Mompalao huwa avukat li jispeċjalizza fil-liġi ċivili u amministrattiva