L-ewwel dinastija soċjalista u l-coronavirus

    F’Awwissu tas-sena 2000 is-submarine nukleari Russu Kursk ħalla l-port għal eżerċiżzji navali. Ftit wara t-tluq, wieħed mit-torpedoes li kellu abbord sploda fih stess. Is-submarine bil-118 membru tal-ekwipaġġ tiegħu, li minnhom 23 kienu għadhom ħajjin, sab ruħu fil-qiegħ tal-baħar.

    Il-President Vladimir Putin, li kien ilu biss tlett xhur f’dik il-kariga, kompla bil-vaganza tiegħu fil-Baħar l-Iswed u ma għamel l-ebda stqarrija dwar it-traġedja għal aktar minn ġimgħa, sakemm kontra qalbu kellu jirritorna lejn Moska.

    Minkejja l-kontroll tal-Istat fuq il-mezzi tax-xandir, l-opinjoni pubblika Russa ħaditha kontra l-president għan-nuqqas ta’ sensittività li wera f’mument daqstant ikrah għan-nazzjon.

    Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, Awwissu tal-2020, aħna Maltin konna għadna ħerġin minn ġimgħat fejn in-numru ta’ każijiet ta’ infezzjonijiet ġodda ta’ Coronavirus kienu baxxi ħafna, saħansitra zero għal bosta jiem. Dan kien il-frott tas-sagrifiċċju tal-pofessjonisti mediċi Maltin u tal-popolazzjoni Maltija li kienet determinata li ma tħallix lill-virus jegħlibha.

    Bħar-Russi fis-sena 2000, aħna wkoll għandna mexxej ġdid. Tagħna forsi hu aktar speċjali, għaliex huwa parti mill-ewwel dinastija soċjalista Maltija. Dan mhux qed ngħidu b’leġġerezza, iżda għaliex ninsab konvint li Abela huwa l-fenek li Joseph Muscat ħareġ mill-kappell biex jiżgura ruħu li s-suċċessur tiegħu jkun leali lejh. Ta’ makakk li hu, Muscat sfrutta s-sens ta’ ambizzjoni ta’ Robert Abela biex aċċerta ruħu li fejn tassew jinteressah jibqa’ jiġbed l-ispag hu. B’hekk irnexxielu jirriċikla l-poter tiegħu billi ssellef wiċċ il-konsulent tiegħu u aħna l-Maltin sibna ruħna bl-ewwel dinastija soċjalista Maltija.

    Meta f’dawn l-aħħar ġimgħat n-numru ta’ infezzjonijiet lokali tal-Covid 19 sploda b’konsegwenza diretta ta’ l-għebusija tar-ras ta’ Abela, li irrifjuta li jimxi fuq il-pariri tal-assoċjazzjonijiet tat-tobba, aħna il-Maltin ixxukkjajna ruħna.

    Wara kollox il-prim ministru Abela kien serrħilna rasna li l-mewġ jinsab fil-baħar, donnu aħna l-Maltin għandna xi DNA speċjali, superjuri għal dak tal-kumplament tal-umanità. Tant li kważi qatt ma rajna lil Abela liebes maskla biex jipproteġi lilu innifsu u lil ta’ madwaru mill-virus. Sibna ruħna mxandra mal-erbat irjieħ tad-dinja bħala esportaturi irresponsabbli tal-virus, u dan biex erba negozjanti irresponsabbli ħaxxnu bwiethom a skapitu tal-bqija tal-Maltin, dejjem bil-karka ta’ Robert Abela.

    Il-Maltin stennew li Abela, li minn mindu daħal Kastilja konna drajnih isejjaħ konferenzi tal-aħbarijiet ma jispiċċaw qatt, iserrħilhom rashom u jurihom it-triq ’il quddiem. Iżda dan ma seħħx, għax Abela kien erħilha lejn Sqallija fuq il-yacht lussuż ġdid tiegħu. Waqt li l-Maltin ma jafux jekk l-iskejjel hux ser jiftħu ftit ġimgħat oħra, jekk it-tixrid tal-virus hux ser iwassal għal lockdown, jekk l-industrija tat-turiżmu hux ser tissoprarvvivi l-isem ħażin li Malta twikkiet bih, Abela kompla bil-vaganza tiegħu. Il-Maltin kellhom jikkuntentaw ruħhom li jaraw lill-prim tiela u nieżel fuq il-yacht tiegħu, jiekol il-ġelat u jagħmel l-eżerċizzju fuq ir-rota.

    Meta wieħed jitla’ l-iskaluni tal-politika wieħed wieħed, jiġi fil-qrib mat-tbatija u l-inkwiet tan-nies u jifhem ir-responsabbilità li l-kariga tiegħu iġġib magħha. Meta ssib ruħek fuq is-siġġu tal-poter għax tkun parti minn dinastija, hemm ir-riskju kbir li ma jkollokx din is-sensittività u taħseb li jkollox xi dritt divin li tiggverna. Kollox juri li l-Maltin ma setgħux inzertaw mexxej aktar inadatt biex jiggwidhom f’dan il-mument ta’ inċertezza.

     

    Dr Robert Aquilina, President-Elett, Repubblika