L-Ewropej dejjem jikkritikawna imma għajnuna dwar l-immigranti xejn! – X’taħsbu?

    Kull meta l-Gvern Laburista Malti jagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lill-Ewropej, malajr tara ħafna kritika fil-media, ħafna bullying magħna għaliex aħna żgħar u wkoll, xi drabi, xi delegazzjoni li tiġi Malta biex tgħidilna kemm aħna imqarbin u kemm hemm bżonn nirriformaw ruħna. Imbagħad ikollok kriżi kbira tal-migranti li jsalpaw lejn Malta bil-baħar u jħalluna għal riħna quddiem problema hekk kbira għal pajjiż żgħir bħal tagħna!

    Ngħidha mill-ewwel biex inkun ċar: jien kontra li nħallu nies imutu fuq il-baħar. Dawk ħutna wkoll u obbligati nagħmlu minn kollox biex insalvawhom. Imma ejjew ukoll inkunu onesti u nammettu li f’dan kollu l-membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, li tagħha aħna wkoll membri, għandhom tort kbir. S’issa l-impenn tagħhom kien wieħed fqir ħafna. Saru ħafna laqgħat li numru kbir minnhom ma ħallewx frott u bqajna nisimgħu ħafna paroli fil-vojt bla sugu ta’ xejn.

    Prattikament l-attitudni tal-membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea hija waħda ta’ “aħna x’jimpurtana, dik problema tagħkom, solvuha intom!” Min tela’ Brussell għal xi laqgħa mal-Ewropej jaf kemm dan huwa veru. Jien stess niftakar meta xi żmien wara li konna sirna membri tal-Unjoni Ewropea fl-2004 kont tlajt Brussell għal laqgħa ta’ orjentazzjoni bħala wieħed mir-rappreżentanti Maltin tal-media. Kien xokk għalija meta rajt l-attitudni negattiva li ħadu ċerti nies li ltqajna magħhom meta semmejna l-problema tal-migranti li jiġu Malta. Prattikament riedu jwasslu l-messaġġ: “toqogħdux tgħaġġbuha!”.

    Niftakar ukoll li fl-2013 meta tela’ l-Partit Laburista fil-gvern, kont irġajt tlajt Brussell bħala s-Segretarju ta’ Fondazzjoni IDEAT tal-Partit Laburista f’laqgħa ta’ think-tanks Ewropej. Ma ninsa qatt kemm kienet antipatka miegħi waħda mir-rappreżentanti sempliċement għaliex kont għidtilha li Malta għandna problema kbira bil-migranti li jaslu bil-baħar. Qalti: “u mhux kollha kemm aħna għandna din il-problema, mela intom biss!”.  –  Kont weġibtha li aħna pajjiż żgħir u mhux pajjiż kbir bħal ħafna pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Imma ma wasalt imkien għax baqgħet tinsisti li huma daqsna għandhom problemi bil-migranti.

    Dawn l-eżempji semmejthom biex nuri li fost ħafna Ewropej ftit issib attitudni ta’ solidarjetà magħna fil-problema kbira li għandna. Għalhekk, hemm bżonn li nkomplu nisħqu li l-Ewropej jgħinuna iżjed u mhux jaħslu idejhom b’ħafna paroli li ma jissarraf f’xejn. Nappoġġjaw totalment lill-Gvern Malti meta jagħmel pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea biex tagħtina aktar għajnuna fil-kwistjoni tal-migranti.

    Inkella ħafna nies se jibdew jistaqsu jekk, wara kollox, kienx żball li sseħibna bħala membri fl-2004.