L-European Mobility Card

    Naħseb bħalissa ħafna nies ikunu qegħdin jistennew b’ħerqa kbira dak il-ftit żmien fejn wieħed jieqaf mix-xogħol u mir-rutina ta’ kuljum u jmur igawdi ftit ġranet ta’ mistrieħ f’xi pajjiż ieħor. Ftit mill-benefiċċji tas-safar huma li jagħtik ċans tesperjenza kultura oħra, li tara affarijiet ġodda li huma t’interess għalik, u anke forsi, tnaqqas ftit mill-ammont ta’ stress li ġġib magħha l-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu fiha llum.
    Għal xi wħud mill-persuni b’diżabilità, speċjalment dawk li għandhom problemi ta’ mobilità, l-organizazzjoni ta’ dawn il-ftit ġranet ta’ mistrieħ f’xi pajjiż ieħor forsi jkunu jeħtieġu ftit iktar ħsieb u preparamenti. Dan għaliex meta wieħed jiġi biex jagħżel akkomodazzjoni jrid jara li din hija waħda aċċessibli. Barra minnhekk, wieħed irid jara wkoll li l-mezzi tat-trasport fil-pajjiż li sejjer fih u anke xi postijiet li jixtieq imur jara huma aċċessibli wkoll.
    Fil-konfront ta’ dan kollu, u wara ħafna diskussjonijiet bejn waħda mill-akbar organizazzjonijiet tal-persuni b’diżabilita fl-Ewropa bl-isem ta’ European Disability Forum u l-Kummissjoni Ewropeja, ġie mħabbar li ser tiġi varata l-European Mobility Card. Din l-aħbar tant mistennija ħabbritha l-Kummissarju għax-Xogħol, Affarijiet Soċjali, Ħiliet u Mobbilità tax-Xogħol, Marianne Thyssen, waqt konferenza bl-isem ta’ “Towards a barrier-free Europe: European Disability Card” organizzata mill-Membru tal-Parlament Ewropew, il-Polakk Marek Plura.
    Permezz ta’ din il-card wieħed ser ikun jista’ jivjaġġja minn post għal ieħor fl-Unjoni Ewropeja u jibqa’ jirċievi l-istess benefiċċji fl-oqsma tal-kultura, tad-divertiment, tal-isport u tat-trasport li wieħed jirċievi f’pajjiżu stess. Permezz ta’ din il-card meta wieħed jivjaġġja u jmur f’post ieħor fl-Unjoni Ewropeja ma jkollux għalfejn kull darba joqgħod jispjega n-natura tan-nuqqas tiegħu, iżda permezz ta’ din il-card wieħed jista’ faċilment jippreżentaha u jingħata l-benefiċċji li jkunu disponibbli. Il-Kummissarju Thyssen saħqet fuq il-fatt li l-moviment liberu huwa dritt għal kulħadd u li kulħadd għandu jkollu l-faċilità li jeżerċitah; kompliet billi qalet li din il-card ħa tkun pass importanti fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità. Gunta Anca, l-President ta’ EDF sostniet li din il-card m’għandha bl-ebda mod tiġi meqjusa bħala att ta’ karità lejn il-persuni b’diżabilità, iżda għanda tiġi meqjusa biss bħala għodda għal persuni b’diżabilità biex jiġi irrispettat id-dritt fundamentali tal-moviment liberu u d-dritt li l-persuni b’diżabilità jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà.

    Amy Camilleri Zahra