L-esperjenza tiegħi tal-Mafja

    28 sena ilu, fit-23 ta’ Mejju 1992, splodew lill-Imħallef Giovanni Falcone u n-nies ta’ miegħu. Ftit ġimgħat wara, f’Lulju tal-1992, ġara l-istess lil Paolo Borsellino, Imħallef u kollega ta’ Falcone. Inqatlu t-tnejn li huma mill-Mafja. Dawn ma kinux tal-ewwel u lanqas tal-aħħar li ġarrbu l-istess mewta kiefra. Il-Mafja xerrdet id-demm ta’ wisq nies. Iżda l-agħar ħaġa li għamlet il-Mafja hi li redgħet it-tama ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ.

    L-ewwel darba li mort Palermo, fl-2005, kont ġa smajt bil-Mafja imma qatt ma kont esperjenzajtha. Niftakarni ngħaddi minn Capaci, taħt il-monument li hemm fuq għolja propju fil-post minn fejn splodew il-bombi. Niftakarni li dak il-ħin ħassejt emozzjoni kbira. Kont għaddej mill-istess post fejn snin qabel sar massakru intenzjonat biss biex isikket.

    Dawruna biex ibeżżgħuna

    Fil-ġimgħat li għamilna hemm, esperjenzajna xi tfisser il-Mafja. Niftakar episodju wieħed b’mod partikolari. Ċorma żgħażagħ iduru magħna bil-motorini biex ibeżżgħuna. Kienu jafu min aħna, konna biss voluntiera li ngħinu lis-Sorijiet ta’ Madre Tereża. Wieħed għolla l-flokk minn wara biex jurina l-pistola li kellu fuq wara tal-qalziet. Il-messaġġ kien ċar: hawn, aħna nikkmandaw.

    Bla dubju l-Mafja tikkmanda mhux biss fi Sqallija. Organizzazzjonijiet simili jikkmandaw f’żoni oħra, l-‘Ndgrangeta f’Sardinja u l-Camorra f’Napli. Iżda l-ħakma ta’ dawn l-organizzazzjonijiet testendi lil hinn mill-konfini ta’ dawn il-gżejjer u l-ibliet, saħansitra l-barra mix-xtut u l-konfini Taljani.

    Jerdgħu t-tama

    Dawn l-organizzazzjonijiet (mhux biss Taljani) jibnu s-saħħa tagħhom fuq il-biża’, il-vjolenza u s-skiet. Jikkonvinċu lil kulħadd li mingħajrhom kollox jikrolla. Jikkontrollaw, joħonqu, jixtru u jsikktu kollox. Bħal vampir jerdgħu t-tama mir-ruħ ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ.

    Jinħolqu ċikli vizzjużi li kif tmiss magħhom timbela’ u ma toħroġx minnhom sakemm ma taħrabx u tħalli kollox warajk. Is-saltna tad-dritt tisfaxxa fix-xejn u tirrenja s-saltna tal-vjolenza – fiżika, psikoloġika u finanzjarja. Ħafna jaħsbu li din il-korruzzjoni, toffri ġid u opportunitajiet – manna daqslikieku nieżla mis-sema.

    Il-Mafja ġġib il-faqar

    Mill-esperjenza, li rajt b’għajnejja u missejt b’idejja dawn iġibu faqar, inġustizzja u disprament miksija bl-illużjoni ta’ ftit ġid materjali li jagħmi. Jiġuni f’moħħi l-fridges mixtrija lill-familji li jaqduhom, imma li meta tiftaħhom ikunu vojta. Karozzi lussużi mgħotija biex isikktu lil min għamel xi biċċa xogħol għall-Mafja imma l-livell tal-ħajja hu l-miżerja. Pjaċiri mgħotija li jitħallsu lura b’patt indimunjat li f’xi ħin jew ieħor (meta jitolbuk) trid tisraq, tkisser, tittortura jew toqtol. Jekk le, issofri int jew familtek.

    Il-korruzzjoni toħnoq il-ġid komuni. Tagħti l-ftit lil ħafna u l-ħafna lill-waħdiet. Tagħti l-illużjoni li kollox miexi sew, imma taħt dak li jleqq għaddejja mewġa fuq oħra ta’ drenaġġ. Din toħnoq it-tama u bil-mod il-mod imut kollox. Toħnoq it-tama li l-ħajja, għalkemm diffiċli, hi sabiħa; li t-tajjeb u s-sewwa jiġu l-ewwel u qabel kollox.