L-esperjenza tiegħi fl-Istati Uniti

    Ftit tal-ġranet ilu wasalt mill-esperjenza li kelli ġewwa l-iStati Uniti wara li ġejt magħżul mill-gvern Amerikan fuq il-programm prestiġjuz “International Visitors Leadership Program” fejn għamilt ħames ġimgħat f’diversi stati u kelli l-opportunita' li niltaqa' kemm ma' nies prominenti fil-gvern Amerikan kif ukoll ma' familji u żgħażagħ Amerikani minn etnitajiet diversi u fil-qasir ser insemmi diversi siltiet minn din l-esperjenza unika.

    Fil-bidu tal-programm iltqajt ma l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Ġnus Magħquda u anke mal-ambaxxatriċi ta’ Malta għall-iStati Uniti. Attendejt ukoll xi sessjoni f’diversi kumitati tal-Ġnus Magħquda. Matul il-programm kelna diversi lectures u diskussjonijiet ta' kif jaħdem il-gvern Amerikan bis-sistema federalista kif ukoll dwar il-policies tal-gvern Amerikan dwar iż-żgħażagħ, ix-xogħol u oqsma oħrajn importanti. Parti mill-programm kien jinkludi ukoll diskussjonijiet mar-rappreżentanti taż-żewġ partiti ewlenin kif ukoll mar-rappreżentati żgħażagħ ta’ dawn il-partiti u kif kienu jseħħu xi elezzjonijiet ġewwa diversi stati u anke nosserva d-diversi modi biex iħeġġu liż-żgħażagħ jivvutaw. Kelli l-oppurtunita' li inkun bħala osservatur għall-elezzjoni tal-gvernatur tal-istat ta' Virginia.

    Parti oħra interessanti mill-programm kienet li kelli l-oppurtunita' li jkolli sessjoni ta’ diskussjoni mal-‘Global Youth Advisor’ tas-segretarju tal-iStat Amerikan. Hemmhekk iddiskutejt l-irwol tal-gvern Amerikan bħala sapport għaż-żgħażagħ madwar id-dinja u kif l-iStati Uniti, permess tal-ambaxxati fil-pajjiżi diversi tad-dinja, tfassal programm għaż-żgħażagħ bħala taħriġ.

    Il-programm kien jinkludi ukoll taħriġ ma' diversi ‘lobbyist groups’  fosthom dawk li qed jippruvaw iwaslu l-messaġġ tagħhom fuq xi kawża speċifika u anke dawk li jirrappreżentaw il-gruppi etniċi. Ma' dawn iddiskutejt l-istrateġiji li huma jużaw mal-politiċi sabiex is-suġġerimenti tagħhom isiru leġiżlazzjonijiet.

    Apparti mil-laqgħat formali għamilt xi ftit ġranet ma' familja Amerikana fejn hemmhekk esperjenzajt il-ħajja u r-rutina tal-familji Amerikani u l-ħsibijiet u x-xewqat tagħhom għal pajjiżhom. Żjarat fid-diversi istituzzjonijiet, universitajiet u skejjel ma naqsux, fejn hemmhekk iltqajt ma' studenti ta’ etajiet differenti u tkellimt fuq Malta kif ukoll iddiskutejt magħhom għaliex hemm bżonn ikunu persuni attivi fis-soċjeta' tagħhom u anke kif jaraw min-naħa tagħhom l-irwol tal-iStati Uniti fid-dinja. F’din l-esperjenza servejt ukoll bħala voluntier fit-tqassim tal-ikel għan-nies fil-bżonn u anke ma' żgħażagħ li kellhom xi problemi fit-tfulija tagħhom.

    Fost l-istati li mort kien hemm New York, Washington D.C., Virginia, Reno ġewwa Nevada, Huston ġewwa Texas u Jacksonville u Miami ġewwa Florida. Il-fatt li ikollok l-opportunita' li tmur ġewwa dawn id-diversi stati tkun tista tesperjenza d-diversita li l-iStati Uniti għandha u tapprezza l-fatt li din id-diversita' hija parti essenzjali ta' dak li jagħmel dan il-pajjiż b’saħħtu u magħqud.

    Fost l-alumni prestiġjużi tal-IVLP hemm aktar minn 1,500 ministri tal-kabinett u 200 kapijiet preċedenti u attwali tal-Istat. Dawn jinkludu l-Presidenti Nicolas Sarkozy ta' Franza, Hamid Karzai tal-Afganistan, il-Prim Ministri Gordon Brown, Tony Blair u Margaret Thatcher tar-Renju Unit, Mario Monti u Romano Prodi tal-Italja, Indira Gandhi tal-Indja u Julia Gillard tal-Awstralja. Minn Malta attendew Ugo Mifsud Bonnici, Guido De Marco, Eddie Fenech Adami, Dom Mintoff, Lawrence Gonzi u Joseph Muscat.

    Ċertament kienet esperjenza intensiva u li tgħallimt ħafna minnha u li dak li tgħallimt ser inkun qed nużah għall-pajjiżna kif ukoll għall-gżira tagħna, ta' Għawdex.