L-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

    Ħarġu fl-aħħar ir-riżultati tal-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u f’Malta telgħu s-sitt kandidati għas-sitt siġġijiet li għandna. Fejn qatt ma kellna mara li telgħet dirett mill-elezzjoni, din id-darba għandna erba’ nisa u żewġ irġiel. Riżultat li għalija jgħid ħafna dwar is-soċjeta Maltija u kif qed tagħraf tinbidel u tagħmel l-għażliet tagħha.
    Nikteb hekk għax fl-aħħar huwa ta’ sodisfazzjon kbir li nara li l-elettorat għażel lil min dehrlu li hu jew aħjar hi l-aħjar li tirrapreżentah fil-Parlament Ewropew. L-elettorat kellu l-għażla u għażel. U għażel fuq il-kapaċita … u mhux fuq il-ġeneru!
    Nibda biex nifraħ lin-nisa kollha li bdew billi ikkontestaw dawn l-elezzjonijiet. F’ħafna taħdidiet li saru fuq il-mezzi varji tax-xandir, kollha qalu li ħajjithom spiċċat logħba ta’ bilanċ bejn il-ħafna responsabbiltajiet li għandhom. Ħadd minnhom ma qal li se jħallu xi responsabbilta għal wara l-elezzjoni imma baqgħu jġorru u jieħdu ħsieb kollox. U forsi n-nisa huma magħrufa għal din l-abilta li bl-ingliż tissejjaħ ‘multi tasking’. Jekk nipprova naqlibha bil-Malti, naħseb li l-aħjar li nfehmha huwa billi ngħid il-persuna li ‘tagħmel ħafna affarijiet f’daqqa’. Dan l-istil huwa n-normalita għal ħafna nisa li jaħdmu u fl-istess ħin irrabbu familja. Naħseb ukoll li din qed issir ukoll abilta li kulħadd għandu bżonnha.
    Interessanti ninnota li dawk li telgħu huma kollha ommijiet …. min riċenti ħafna u min xi snin ilu. Kollha huma nisa ta’ karriera waqt li kollha rabbew jew qed irrabbu familja. Ħadd minnhom ma ngħata xi vantaġġ u kollha telgħu b’ħilithom u b’ħidmiethom. Napprezza l-fatt li s-soċjeta Maltija għarfet u għażlet lil min tħoss li se jirrappreżenta l-aħjar. Ma kienx hemm bżonn ta’ diskriminazzjoni pożittiva biex telgħu: jiġifieri ma kellhomx bżonn jingħataw xi vantaġġ. Kienu fit-tellieqa mill-bidu bħal kull kandidat ieħor li ħa sehem.
    Id-diskriminazzjoni pożittiva hija kunċett li kien użat f’numru ta’ pajjiżi sabiex jinstab il-bilanċ bejn ir-rapreżżentanza tal-ġeneru. Kieku applikajna dan il-kunċett forsi konna naslu fejn wasalna llum qabel. L-iskop tad-diskriminazzjoni pożittiva hija sabiex iġġib il-bilanċ fejn kien hemm diskriminazzjoni (negattiva) u żvantaġġi għal snin kbar. Malta dejjem irreżiżtiet li tapplika dan il-kunċett u kull meta tqajmet id-diskussjoni nazzjonali kienu joħorġu s-soltu argumenti kontra. Minbarra dan kien hemm ukoll il-biża li l-preżenza tal-mara issir ‘token’ jew dak l-eżempju uniku li tant ma’ jkunx hemm bħalu li nibqgħu nsemmuh sa’ l-eternita imma li ma jindikax bidla.
    Mingħajr ebda għajnuna partikulari l-mara Maltija qed issib postha fil-pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u dan qed  tagħmlu bl-isforzi tagħha u ta’ dawk ta’ madwarha. Meta l-mara tieħu l-istess edukazzjoni, tkun tista tasal fejn tixtieq basta s-sistema ta’ appoġġ tkun waħda adekwata u professjonali. F’Malta, ilna snin b’sistema edukattiva b’xejn għal kulħadd u fejn kull min hu kapaċi u jrid, jista jasal sa liema livell edukattiv irid. Il-mara Maltija waslet sa l-għola livell u nsibuha toffri s-servizzi tagħha f’kull qasam tas-soċjeta.
    Imma meta naraw l-istatistika dwar kemm hemm nisa fid-dinja tax-xogħol, insibu li n-numru f’ċertu faxxex ta’ etajiet partikulari huwa baxx u hemm numru ta’ nisa li, għalkemm edukati sa livell għoli, qegħdin barra mid-dinja tax-xogħol. Minbarra li nħallu spazju għall-għażla li hija dritt ta’ l-individwu, u għalhekk mhux qed nagħmel ġudizzju, irridu napprezzaw li l-mara fid-dinja tax-xogħol iġġib żvilupp ekonomiku u soċjali li jgħin il-pajjiż jimxi l-quddiem.  
    Apparti dan kollu, s-soċjeta sħiħa hija magħmulha kemm minn nisa kif ukoll mill-irġiel u għalhekk, bi dritt, għandna nsibu nisa u rġiel f’kull qasam.

    Sina Bugeja