L-Egrant mhix tagħna lkoll – Norman Vella

    Fost ħafna ċapċip, daqq ta’ ħornijiet u storbju ieħor, fl-2013 Joseph Muscat kien dejjem jagħlaq id-diskorsi tiegħu lill-massa, b’lista ma tispiċċa qatt ta’ affarijiet li wara dik l-elezzjoni kellhom isiru ‘tagħna lkoll’. Jien u naqra l-inkjesta Egrant bdejt nistħajjilni qiegħed f’wieħed minn dawk il-mass meetings. Stħajjiltni li xħin b’għajnejja ħomor nar u b’nifsi maqtugħ se nasal fl-aħħar paġna tal-inkjesta se nsib miktub li l-Egrant, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-kumpanija sigrieta tagħna lkoll.

    Ma ppubblikawx il-konklużjonijiet kollha

    Imma ma kienx il-każ. Din l-inkjesta mhix dwar l-islogans u l-propaganda li jħobbu jbellgħulna Muscat u sħabu. Pereżempju, aħna lkoll konna mingħalina li sena u nofs ilu kienu ppubblikaw il-konklużjonijiet kollha ta’ din l-inkjesta. Iżda llum nafu li dakinhar li Muscat infaqa’ jibki f’Kastilja kien qed jurina biss dak li kien fl-interess tal-propaganda tiegħu li jurina.

    Dakinhar ma qalilniex, pereżempju, li fil-konklużjonijiet kien hemm talba speċifika mill-Maġistrat biex l-accountant Karl Cini ta’ Nexia BT ikun investigat mill-Pulizija. Lanqas ma qalilna li dan Karl Cini nstab li kellu ħabta joħloq dokumenti u jġibhom jidhru qishom ġejjin minn Mossack Fonseca. Imma nsomma, ma rridx noqgħod ninħela u naħlikom fuq dettalji li żgur se tkunu qed taqraw dwarhom fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin. Li hu żgur hu li l-Egrant mhix tagħna lkoll. L-Egrant għal xi ħadd inxtrat u mill-inkjesta joħroġ ċar li sar minn kollox biex dan ix-xi ħadd jibqa’ mistur.

    Sena u nofs wara…

    Dakinhar Muscat qalilna wkoll li kien se jippubblika r-rapport tal-inkjesta kollu kemm hu u li ma kienx se jdum wisq biex iwettaq din il-wegħda. Għaddew sena u nofs, Muscat laħaq ta n-notice, iżda biex dan ir-rapport ra d-dawl tax-xemx u seta’ jitniżżel fuq il-laptops u l-mobiles tagħna lkoll, kellhom ikunu l-imħallfin tal-Qorti tal-Appell u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Issa li aħna, bħalhom, nistgħu naqraw x’sab u x’kiteb l-Imħallef Bugeja qed jgħidulna li se jkunu preġudikati l-investigazzjonijiet. Bħal dak li qallu li Bugeja dwarna stħarreġ u kiteb u mhux dwarhom!

    Allura qed jippruvaw ibellgħuhielna wkoll li sena u nofs ma kinux aktar minn biżżejjed biex isiru l-investigazzjonijiet kollha li kien hemm bżonn isiru. Tistħajjilhom qed jgħidulna li dawn is-sena u nofs intużaw mill-investigaturi għall-fenkati minflok għall-istħarriġ ordnat minn Bugeja. Imma xi ħaġa bħal din ma tiġrix f’pajjiż fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu qishom arloġġ tal-lira, mhux hekk?

    Simon Busuttil mhux frodist

    Dwar għal min, bil-provi, inxtrat l-Egrant din l-inkjesta tħallina ħmir daqs kemm konna lbiraħtlula. Però mkien fl-1,501 paġna ma hemm miktub li din l-istorja kienet frame-up fuq il-Prim Ministru kif ilhom sena u nofs jgħidulna l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista. Ir-rapport tal-inkjesta lanqas ma jgħidilna li Simon Busuttil huwa ‘frodist’ kif sejjaħlu Joseph Muscat fil-Parlament. Mill-banda l-oħra tgħidilna ħafna affarijiet dwar x’kienu qed iħawdu n-nies li Muscat iddawwar bihom f’Kastilja f’dawn il-kważi seba’ snin li se jkun għamel Prim Ministru.

    Uħud minn dan it-taħwid konna nafuh diġà, iżda hemm stejjer u dettalji ġodda li bdejna nsiru nafuhom ilbieraħ. Dwar dawn l-iskandli Muscat qatt ma wera sobgħa. Mill-protagonisti tagħhom Muscat qatt ma ddiżassoċja ruħu u qatt ma kkundanna dak li għamlu. Anzi, saħansitra rringrazzja anke lil min fosthom, skont xhieda ġuramentata fil-Qorti ta’ spettur tal-pulizija, qed ikun investigat b’rabta ma’ dak li seħħ madwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

    Lil dawn it-talin Muscat dejjem iddefendihom bl-għeruq u x-xniexel u baqa’ jiddefendihom akkost li kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, akkost li ġab lill-partit tiegħu jammetti li ġie tradut u akkost li rrovina l-karriera politika tiegħu stess, li minn aspirazzjoni għall-Presidenza Ewropea spiċċat f’riżenja ta’ għajb.

    L-ikbar verità fl-istorja politika qasira ta’ Muscat hija li l-imġiba tiegħu f’dawn is-snin tgħidilna ferm iktar minn kemm qatt setgħu jgħidulna l-paġni tal-inkjesta Egrant.