L-edukaturi Maltin fi żmien il-COVID-19: Prosit u grazzi!

    Bħala edukatur irtirat, ma nistax ma nibqax ninteressa ruħi f’dak kollu li jsir fil-qasam tal-edukazzjoni. Għalhekk, nistqarr li tassew impressjonajt ruħi bil-professjonaliżmu tal-edukaturi Maltin li minkejja t-tħarbit ikkaġunat mill-COVID-19, xorta waħda sabu mezz bl-użu tat-teknoloġija moderna biex iwasslu l-lezzjonijiet meħtieġa lill-istudenti tagħhom f’darhom stess kif ukoll qed jipprovdulhom il-materjal neċessarju għall-istudji tagħhom.

    Dan kollu qed isir bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol immexxi mill-Ministru Owen Bonniċi. Ir-rwol tal-Ministeru huwa li jiffaċilita din il-ħidma tal-edukaturi u jipprovdilhom is-sapport meħtieġ biex il-ħidmiet tagħhom jitwettqu b’suċċess.

    Għalhekk, altru li jkun ġust illi nirrikonoxxu x-xogħol li qed isir mill-edukaturi tagħna għall-ġid tal-ġenerazzjoni ta’ età żgħira f’pajjiżna. Niftakru li dawn it-tfal huma l-ġejjieni ta’ Malta, iċ-ċittadini ta’ għada. Kull għajnuna li aħna nagħtuhom hija investiment fil-futur ta’ pajjiżna.

    Niftakru wkoll li dan kollu jirrikjedi sagrifiċċju kbir mill-edukaturi tagħna. Ma ninsewx li numru kbir minnhom huma missirijiet u ommijiet u għalhekk bħalissa jkollhom it-tfal id-dar u jridu jlaħħqu mat-trobbija tagħhom, mal-faċendi tad-dar kif ukoll mal-preparazzjoni tax-xogħol għall-istudenti tagħhom. Ċertament mhix xi ħaġa faċli iżda xi ħaġa li titlob impenn kbir min-naħa tagħhom.

    Mela nikkonkludi billi ngħid grazzi mill-qalb lill-edukaturi Maltin kollha, grazzi lill-Ministru Owen Bonniċi tal-għajnuna  tiegħu, u nħeġġeġ lill-poplu Malti kollu biex jappoġġja l-ħidma li qed titwettaq fil-qasam tal-edukazzjoni f’dawn iż-żminijiet diffiċli. L-aqwa mod kif nistgħu nagħmlu dan huwa billi dejjem nuru rispett lejn l-edukaturi tagħna.