L-arti tal-possibbli

    Ritratt: Gareth Degiorgio

    Għaddew seklu u nofs minn meta Otto von Bismarck qal lill-ġurnalist tas-St. Petersburgische Zeitung li ‘l-politika hija l-arti tal-possibbli’. Ftit li xejn inbidel minn dik l-intervista tal-1867. Il-bniedem għadu l-bniedem u s-supereroj li kapaċi jisparaw l-għanqbut jew jiddrittaw it-torri ta’ Pisa huma u jtiru, filwaqt li mxew mill-komiks għall-iskrin taċ-ċinema u l-video games, għadhom ma resqux lejn is-siġġijiet s/komdi tal-politika.

    Minkejja l-kefrija ta’ din ir-realtà, il-politiċi jħobbu jagħtu l-impressjoni li huma kapaċi jwettqu l-impossibli. Tisma’ wħud minnhom jitkellmu tibda tinkwieta li jekk jiġrilhom xi ħaġa u jkollhom iħallu l-kariga d-dinja tieqaf iddur u tibda l-apokalissi. Iżda kif jaf kulħadd, id-dinja kienet iddur qabel rifes fuqha l-bniedem u aktarx se tibqa’ ddur anke wara li l-bniedem jirnexxilu jwassal lilu nnifsu għall-estinzjoni.

    It-tmiem tal-era Muscat

    Kienu bosta dawk li dak li rajna jiġri bħal-lum ġimgħa f’pajjiżna ħasbu li se jkun impossibbli. Joseph Muscat m’għadux il-Prim Ministru ta’ Malta minkejja żewġ rebħiet elettorali kbar u maġġoranzi enormi f’kull elezzjoni li saret f’pajjiżna kemm ilu jmexxi l-Partit Laburista. Muscat kellu jitlaq minkejja li r-rota ekonomika daret u għadha ddur b’ritmu tajjeb, u minkejja l-bidliet u l-kisbiet f’diversi oqsma li laqtu pożittivament il-ħajja ta’ kuljum ta’ ħafna nies.

    Muscat kellu jitlaq għax il-Partit Laburista ra u fehem dak li min kien qed iħares kien ilu jara u jifhem. L-era Muscat kellha tintemm għax il-Partit Laburista ddeċieda li ħadd, lanqas il-mexxej, mhu ikbar mill-partit u mill-pajjiż. Lil Muscat urewh il-bieb ta’ barra għax il-Partit Laburista ried iżomm il-poter biex ikompli jwettaq il-programm tiegħu u nduna li dan seta’ jagħmlu biss jekk minnufih jibdel u jiġġedded.

    It-tmiem tal-era Muscat huwa rebħa għal min, bħali, ilu jisħaq għalih. Iżda huwa riżultat li ma seta’ jinkiseb qatt kieku l-Partit Laburista m’aġixxiex. Lil dawk li għamlu din il-kisba fil-Partit Laburista qatt m’aħna se narawhom jiċċelebrawha għax ‘il-politika hija l-arti tal-possibbli’ u qatt ma kien se jkun possibbli għalihom li jeħilsu minn Muscat billi jagħmlulu gwerra. Kieku pruvaw jagħmlu hekk, Muscat kien jirkeb fuq il-fiduċja kbira li għadu jgawdi fost it-tesserati u l-partitarji u kien iżomm postu għal kemm irid u jogħġbu. Minflok, sabu mod kif Muscat joħroġ biċ-ċapċip, bit-tgħanniq u bid-dmugħ u mhux umiljat. Għalihom l-importanti kien li joħroġ u mhux kif joħroġ. Ma ntilfux fis-siġar u baqgħu ffukati fuq il-foresta.

    Minn Sant għal Abela

    Il-Partit Laburista tal-lum wera li tgħallem ħafna mil-lezzjoni tal-2003 meta ħalla lil Alfred Sant jerġa’ jibdielu wara li ħabbar li se jirreżenja. Dak iż-żmien il-Facebook ma kienx għadu jeżisti. Minflok intużaw it-trolls, kienu ntużaw il-partitarji li attendew fil-Belt Valletta għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem. Lil dawn tawhom f’idejhom posters mimlijin appelli biex Sant jibqa’ mexxej, iffilmjawhom, xandruhom fuq it-televixin u Sant baqa’ f’postu fuq ‘talba popolari’ manifatturata artifiċjalment. Ir-riżultat ta’ dan kien 10 snin oħra fl-oppożizzjoni għal-Labour.

    Il-Prim Ministru Robert Abela din il-ġrajja jiftakarha sew kif jiftakar ħafna ġrajjiet oħra li tagħhom kien protagonist missieru. Abela wkoll wera li tgħallem minn dawn il-ġrajjiet. Fil-kampanja biex isir mexxej tal-partit qagħad attent ħafna li ma jmurx kontra l-mewġa ta’ appoġġ li għadu jgawdi Muscat fost il-Laburisti. Abela kien jaf li b’mossa ta’ dan it-tip kien ikun impossibbli għalih li jsir Prim Ministru u wera li jaf ukoll li l-impossibbli mhix kisba realistika fil-politika.

    Minn ġewwa

    Waħda mill-memorji politiċi tiegħi hija t-tluq ta’ missier Robert Abela mill-Partit Laburista. Niftakru, fis-sajf tal-1998, jgħid lid-delegati Laburisti li jekk jivvotaw biex il-Prim Ministru Sant imur għall-elezzjoni bikrija hu kien jirreżenja minn Deputat Mexxej. L-istorja tgħidilna li d-delegati għażlu t-triq suwiċidali li ried Alfred Sant. George Abela żamm kelmtu u dabbar rasu. Però, minn dakinhar, l-effettività tiegħu naqset ħafna fi ħdan il-Partit Laburista. Huwa kompla jagħti kontribut f’oqsma oħra, l-aktar fit-trejdunjoniżmu u fin-negozjati ta’ Malta biex isseħibna fl-Unjoni Ewropea. Iżda bosta fil-Partit Laburista baqgħu ma ħafrulu qatt għal dak li qisuh, inġustament, ‘abbandun’ minkejja li lkoll kienu jafu li kellu raġun biex ibigħ.

    Robert Abela żgur jiftakar dik il-ġrajja daqsi u aktar minni. M’għandix dubju li minnha tgħallem li biex ikun effettiv u biex jasal jokkupa l-ogħla kariga fil-partit u, konsegwentement, fil-pajjiż kien se jkollu jaħdem minn ġewwa, mingħajr qatt ma jieħu deċiżjoni drastika bħalma kien ħa missieru, ikunu ħżiena kemm ikunu ħżiena d-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu mit-tmexxija. Mill-kwotazzjoni ta’ Otto von Bismarck Robert Abela rnexxielu jagħmel programm u pjan politiku. Ra u wiżen sew x’inhu l-possibbli u mexa t-triq li seta’ jimxi biex jilħqu.

    Konsegwenzi

    Naturalment, dan se jkollu l-konsegwenzi tiegħu ukoll. L-oppożizzjoni u l-kritiċi ta’ Abela żgur se jibqgħu jsemmulu x-xhur li għamel bħala konsulent legali u membru tal-kabinett ta’ Muscat. Żgur se jikkritikawh li qatt ma kien magħna jipprotesta fit-toroq u li, minflok, fl-2017 ikkandida ruħu mal-partit ta’ Muscat, Schembri, Mizzi, Nexia BT u l-bella compania. Niftakar qisu lbieraħ id-dibattitu li kelli miegħu f’Xarabank ħmistax-il jum qabel dik l-elezzjoni u niftakar ċar li Abela qagħad ferm attent li jagħmel l-argumenti kollha li kellu jagħmel mingħajr qatt ma jiddefendi l-ħażin li kont qed nargumenta dwaru jien.

    Il-politika tal-possibbli

    Niftakar ukoll l-argumenti u t-talbiet li għamilt jien u s-soċjetà ċivili fil-protesti li kkaratterizzaw għeluq is-sena li għaddiet. Fuq livell politiku, aħna dejjem sħaqna għar-riżenja immedjata ta’ Muscat, Schembri u Mizzi. Dejjem argumentajna li d-Deputati Laburisti għandhom jaħtru Prim Ministru ġdid minn fosthom. Konna nafu dakinhar, kif nafu llum, li ma kien se jkun possibbli għal ħadd li jagħmel gwerra lil Muscat u jirnexxilu jirbaħ l-elezzjoni interna għall-ħatra ta’ mexxej. Konna nafu u għadna nafu li l-uniku ħaġa possibbli kienet li jsir wieħed mid-Deputati li f’dawn is-snin appoġġjaw lil, u ħadmu ma’, Muscat u sħabu.

    Ironikament, anke l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għamlet l-istess talba. Qatt l-Oppożizzjoni ma qalet li trid elezzjoni ġenerali bikrija, minkejja li fiċ-ċirkostanzi din kienet tkun l-iktar sejħa loġika. Jien fhimt li anke l-Oppożizzjoni addottat il-politika tal-possibbli. Bi stħarriġ wara l-ieħor juri li l-Partit Laburista għadu jgawdi maġġoranza fil-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista, bħal Abela, għażel il-politika tal-possibbli fuq il-politika tal-loġika.

    Magħmudija tan-nar

    Minkejja li Abela għadu kif ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru mhux se jkollu l-vantaġġ li kellhom ta’ qablu u mhux se jkollu perjodu ta’ qamar il-għasel li matulu jkun jista’ jiżbalja u jinħafirlu mill-ewwel. Iċ-ċirkostanzi li għamluh Prim Ministru, l-urġenzi li qed jiffaċċja l-pajjiż f’kull livell, il-proċessi li hemm għaddejjin fil-Qrati u l-inkjesti li għad irridu nisimgħu b’aħbarhom se jagħmlu mill-ewwel ġimgħat ta’ Abela fil-kariga magħmudija tan-nar.

    Kulħadd, bir-raġun, qed jistenna ħafna minnu. Spiss dawn l-istennijiet se jiġu f’kunflitt ma’ xulxin. Fl-ewwel diskors tiegħu qal ftit wisq, anzi, ma qal prattikament xejn. Fl-ewwel jiem tiegħu, iżda, għamel iktar minn kemm konna qed nistennew. Għal uħud qatt mhu se jkun għamel biżżejjed u se jkollhom raġun jgħidu hekk. Għal oħrajn diġà għamel wisq u diġà bdew ilissnu l-ewwel tgergir.

    L-analiżi tiegħi hija li anke issa li sar Prim Ministru Abela qed jaġixxi fil-limitu tal-possibbli. Qgħadt attent xi kliem nuża f’din is-sentenza: Qed ngħid li qed jaġixxi; Qed ngħid li mhux jazzarda jmur għall-impossibbli; U qed ngħid li qed jaħdem fil-limiti ta’ dak li għalih huwa politikament possibbli. Kull min f’dan il-pajjiż għandu rasu fuq għonqu u mhux mgħammad bil-partiġġjaniżmu jaf sew liema triq hemm bżonn naqbdu ‘flimkien ’il quddiem’. Jidher li ras il-Prim Ministru Abela qiegħda fuq għonqu u li hija nwaħħla tajjeb. Nittama li l-pressjoni li se tkun qed issirlu u t-tiġbid min-naħa għall-oħra ma taqlagħilux!

    Il-mod kif Abela se jimmanuvra f’dawn l-ewwel ġimgħat u kemm u lejn liema naħat se jkunu qed iġebbed il-limiti tal-possibbli se jkunu qed jgħidulna ħafna aktar dwar it-triq li se jkun qed jaqbad u jqabbad lil pajjiżna.

    It-temporanjetà tal-poter

    Tagħlima li żgur il-Prim Ministru għandu jżid mal-kollezzjoni tiegħu hija dik li tatu l-ġrajja tal-predeċessur tiegħu: b’saħħtek kemm int b’saħħtek u popolari kemm int popolari, il-poter huwa temporanju u llum jew għada trid tħallih warajk. Bħal kull politiku ieħor li okkupa l-kariga ta’ Prim Ministru, m’għandix dubju li Abela jrid li sakemm tasal dik il-ġurnata jkun ħalla impatt bit-tmexxija tiegħu.

    Żgur li Abela jaf li dakinhar li jżarma se jkun hawn min ifaħħru u se jkun hawn min imaqdru. Żgur jaf ukoll li se jkun hawn fost dawk li qed ifaħħruh illum li dakinhar se jkunu qed imaqdruh u viċe versa.

    L-awgurju tiegħi huwa li dakinhar ikun jista’ jħares fil-mera u jgħid lilu nnifsu li, minkejja kull żball, kull deċiżjoni ħażina, kull kriżi u kull diżgwid, għamel dak kollu possibbli għall-ġid tal-pajjiż u għall-poplu kollu tiegħu.