L-arroganza ta’ Abela u Muscat fir-rigward tal-inkjesta pubblika

    Daphne-Caruana-Galizia-3-Years-Bidnija
    Miguela Xuereb

    Beda Robert u żied id-doża Joseph. It-tnejn skomdi bil-verità li ħierġa mill-inkjesta pubblika dwar ir-responsabbilità tal-Istat Malti fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. It-tnejn qed jagħmlu ħilithom biex jiskreditawha.

    F’soċjetà tassew demokratika, prim ministru lanqas joħlom li jindaħal fix-xogħol tal-ġudikatura. Jekk jazzarda jagħmel hekk, il-pubbliku malajr jurih il-bieb ta’ barra. Imma mhux f’Malta ta’ Abela u Muscat. Hawn kulħadd, anke jekk ġudikant, mistenni jbaxxi rasu għar-rieda tal-omnipotenti prim ministru. Min ma joqgħodx għar-rieda tal-prim malajr isib ruħu f’nofs ċiklun.

    Beda jiżra’ d-dubju Robert Abela, meta daħal f’kontroversja mal-membri tal-Bord tal-Inkjesta dwar it-tul ta’ dawn il-proċeduri. Kompla Abela nnifsu billi stqarr li għandu riżervi dwar il-mod kif l-inkjesta mhix miexja skont it-termini ta’ referenza tagħha.

    Jekk hux miftehma Abela u Muscat dwar kif se jiskreditaw l-inkjesta dwar dan l-assassinju ma nafx. Però hu fatt li jinsabu f’sintonija totali fil-mod kif it-tnejn qed jimminawha. It-tnejn qed jippruvaw inessuna r-responsabbilità u l-kunflitt ta’ interess li għandhom.

    Kont preżenti fl-awla fejn qiegħed isir is-smiegħ tal-inkjesta pubblika meta kien imissu jixhed l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat. Ma kelli l-ebda dubju li kien se jidħol fl-awla b’arroganza kbira, jgħid lill-Imħallfin li kien hu li ordna li ssir l-inkjesta u li ma kienx kuntent b’xogħolhom. Hekk ġara.

    Idejh triegħdu matul is-seduta kollha, iżda l-attitudni patronizzanti u arroganti tiegħu mliet kull rokna tal-awla. Dak li kellu jkun fost l-aktar persuni mqiegħda taħt l-iskrutinju tal-Imħallfin f’din l-inkjesta kellu l-ardir jgħaddi ġuri lilhom. Ċanfarhom. Wissihom bil-konsegwenzi ta’ għemilhom. Qalilhom x’għandhom jagħmlu. Tkessaħ.

    Muscat saħansitra ħassu liberu jgħid lill-Bord sa fejn l-aktar li jistgħu jaslu fil-konfront tiegħu: li jsibuh ħati ta’ ġudizzju politiku ħażin. Smajna mingħandu l-aktar edizzjoni riċenti tal-verità: li hu ma keċċiex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi għaliex Daphne u l-Oppożizzjoni kienu żeffnu lilu wkoll fl-allegazzjonijiet, u allura ma setax ikeċċi lilhom bla ma jitlaq hu.

    Daqstant hu arroganti Muscat, li jaħseb li kollox idur miegħu. U fil-fatt għamel il-mod li kollox idur miegħu, għax niżżel pajjiż għarkopptejh biex jipprova jsib triq ’il barra mill-isqaq ta’ skandli li kien daħal fih.

    Ma setax jonqos li nduqu wkoll ftit mill-populiżmu ta’ Muscat waqt is-seduta. Fakkarna li għad hawn maġġoranza tal-poplu li għadha tridu. Għaliex għalih il-kaxxi tal-voti jaħfru kull dnub u jipprevalu fuq it-tribunali.

    Muscat u Abela jħossuhom li ħadd ma jista’ għalihom ġaladarba għandhom il-famużi 40,000 magħhom. Jinsew li l-istorja mimlija każijiet ta’ politikanti li ħassewhom omnipotenti, sakemm il-poplu nduna li kienu għaddew iż-żmien bih u daħluh f’baħar inkwiet bla bżonn. Xħin jasal dak il-mument l-ebda livell ta’ arroganza mhu se jevitalhom il-konsegwenzi ta’ għemilhom.

    Robert Aquilina huwa President tal-NGO Repubblika