
Il-ġest ta’ Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna li bierek l-oqbra ta’ dawk il-Laburisti li ndifnu f’art mhix ikkonsagrata fiċ-ċimiterju fi żmien il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-snin sittin huwa ta’ min ifaħħru ħafna. L-ebda bniedem m’għandu l-jedd jiġġudika lil ħaddieħor u dak li ġara fis-snin sittin weġġa’ ħafna nies u ħoloq ġerħa fis-soċjetà Maltija li l-effetti negattivi tagħha għadhom jinħassu sal-ġurnata tal-lum.
Filmat: L-Arċisqof Scicluna jitlob maħfra ‘għall-ħitan li nbnew’ mal-mejtin
Jiena nittama li dan il-pass kuraġġuż min-naħa tal-kap tal-Knisja Kattolika f’Malta jiġi apprezzat mhux biss mil-Laburisti imma mill-Maltin u Għawdxin kollha. Fil-Partit Laburista hemm ħafna li huma Kattoliċi prattikanti u oħrajn li mhumiex imma xorta waħda għandhom rispett kbir lejn il-Knisja Kattolika. Ir-relazzjonijiet bejn il-Partit u l-Knisja Kattolika f’Malta huma tajbin ħafna u nawgura li dawn ikomplu jitjiebu.
Forsi l-ikbar ġid li jista’ joħroġ mill-ġest nobbli tal-Arċisqof huwa li nitgħallmu nirrispettaw u nittolleraw lil min għandu opinjoni politika differenti minna. Nistenna wkoll li minn issa ‘l quddiem l-Arċisqof jiġi ttrattat bir-rispett u d-dinjità li jixirqulu u li ċertu diskors żejjed fil-konfront tiegħu fis-social media jinqata’ darba għal dejjem.
Grazzi, Monsinjur Arċisqof.