L-appell tiegħi lill-Kummissjoni Ewropea fuq il-virus Covid-19

    Coronavirus-2

    Is-sitwazzjoni tal-Corona virus qed tevolvi kull minuta tant li l-Għaqda Dinija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat il-virus bħala pandemija. F’Malta sa meta qed nikteb dan il-blogg kien hawn 12-il każ. Hu ċar li rridu nieħdu miżuri effettivi fl-interess ta’ saħħitna u l-ekonomija ta’ pajjiżna.

    Din il-ġimgħa ktibt uffiċjalment lilll-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides b’appell għal azzjoni konġunta mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka għall-kura u djanjożi tal-virus Covid-19. Bħalissa fl-Ewropa għaddejjin 11-il-proġett ewlieni ta’ riċerka fuq il-virus. Ir-riċerka Ewropea kif ukoll dik f’pajjiżi barra l-Ewropa mistennija tieħu sa sena żmien sabiex twassal għal kura effiċjenti tal-virus. Tlabt lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża l-poteri tagħha biex tinkoraġixxi koordinament bejn l-inizjattivi ta’ riċerka differenti b’mod li jitħaffef il-pass sabiex tinstab il-kura għall-virus li l-firxa tiegħu qed tikkawża ansjeta kbira fil-familji Maltin u Għawdxin.

    F’dan il-kuntest issuġġerejt l-użu tal-hekk imsejħa ‘joint procurement instruments’ li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkordina flimkien mal-Istati Membri b’mod li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tordna minn qabel ammonti kbar ta’ prodotti bħal testijiet djanjostiċi tal-virus u eventwalment vaċċin jew trattament ieħor li jtaffi jew ifejjaq il-virus. L-Ewropa tista’ toħloq is-sinerġija bejn riċerka differenti billi toffri inċentiv ekonomiku b’saħħtu lil kumpanniji farmaċewtiċi biex jiżviluppaw il-kura mill-aktar fis, billi jpoġġu r-riċerka tagħhom taħt proġett wieħed Ewropew.

    Irrid ngħid li dan qed isib ukoll appoġġ fuq livell Ewropew. Infatti llum, il-kelliem tal-Grupp PPE dwar il-qasam tas-saħħa, Peter Liese, tkellem dwar il-bżonn ta’ aktar koordinazzjoni fuq livell Ewropew fosthom biex jiżdied il-kapaċita tal-ħażna tal-mediċini kif ukoll dwar “joint public procurement” biex nassiguraw li jkolna provista ta’ mediċini. Għalhekk qed ninsisti li dan jiġi applikat ukoll biex jiġu ordnati minn qabel ammonti kbar ta’ prodotti bħal testijiet djanjostiċi tal-virus u eventwalment vaċċin jew trattament ieħor li jtaffi jew ifejjaq il-virus. Konvint li azzjoni konġunta tkun ferm aktar effettiva minn azzjonijiet unilaterali tal-membri stati speċjalment f’dan il-mument delikat.