L-Amministrazzjoni f’Għawdex

    MGOZ - Terry Camilleri

    Qabel xejn nibda biex nawgura lill-qarrejja kollha s-sena t-tajba. Il-ħajja ħafna drabi hi dik li nagħmluha aħna u għalhekk jekk nixtiequ sena aħjar, l-isforz ewlieni jrid jiġi min-naħa tagħna.

    Illum se nitkellem fuq Għawdex u kif dan qed jiġi amministrat, fejn bħala Għawdxi l-affarijiet li se nitkellem fuqhom huma eqreb lejja. Sa mis-sena 1987 Għawdex dejjem kien rappreżentat fil-Kabinett minn Ministru għajr għal sentejn fejn kellu Segretarju Parlamentari. Dawn il-Ministri kollha kellhom prijoritajiet differenti. Min kellu l-Għawdex bħala prijorità u min kellu l-voti bħala prijorità. Għawdex ma gawdiex daqshekk meta kellu Ministri ta’ din l-aħħar kategorija.

    Li qatt ma għoġbitni huwa illi kull meta sar reshuffle (normalment taħt il-PN għax il-PL qatt ma għamel reshuffles) Għawdex qatt ma kien inkluż. Il-bidla kull tant żmien hi meħtieġa f’kollox għax ma tħallix li titrabba kamla. Fuq kollox timmotiva sens ta’ rettezza u enerġija.

    Madanakollu f’kull reshuffle jew bidla f’Ministru wieħed għandu jassigura li jkun hemm kontinwità u mhux qisa bdiet xi epoka ġdida. F’Għawdex kemm ilu jiggverna l-PL għalkemm qatt ma saret reshuffle tul xi leġislatura, kellna żewġ Ministri, wieħed f’kull leġislatura. Sfortunatament il-kontinwità bejniethom ma kinitx fl-aqwa tagħha. Hekk rajna proġetti mibdija taħt il-Ministru ta’ qabel li taħt il-Ministru preżenti waqgħu lura, jew imxew b’mod kajman, waqfu jew addirittura ma bdewx. Hekk pereżempju l-proġett tad-dar tal-anzjani f’Għajnsielem fejn qabel kien hemm id-dar ta’ San Ġużepp: apparti li l-proġett wara l-aħħar elezzjoni għamel żmien wieqaf, meta kompla, kompla biss b’mod kajman ħafna speċjalment meta mqabbel mal-mod kif inbeda fil-leġislatura l-oħra, u llum għadu lura bil-heden. Il-mużew ta’ Għawdex baqa’ kif kien – gozz bini semi delapidat fid-daħla ewlenija tar-Rabat. Vera li fin-naħa ta’ wara nstabu xi fdalijiet Rumani iżda fi bnadi oħra ma hemmx ġustifikazzjoni għalfejn ma sar xejn. It-taraġ li mit-terminus jagħti għal Pjazza San Frangisk u l-bini taċ-ċentru tas-saħħa ġdid ġo nofsu wara l-elezzjoni tas-sena 2017 għamel xhur twal status quo. Kien dan l-aħħar li qed jintlemħu numru żgħir ta’ ħaddiema jagħmlu xi ħaġa – xejn kbir. Il-proġett tal-Qorti ta’ Għawdex tant bżonnjuż ġie skartat għal kollox mingħajr raġuni sodisfaċenti. Dan minkejja li fil-leġislatura ta’ qabel kienu ntefqu eluf kbar ta’ Ewro f’testijiet tal-art, preparamenti, pjanti u fuq kollox biex ġew ottenuti l-permessi mill-Awtorita tal-Ippjanar. Flus minn bwiet iċ-ċittadin li marru fil-landa taż-żibel.

    Il-kontinwità f’dan il-każ ġiet skartata u posta ittieħed minn dik li deheret bħala rivalità inġustifikata. Saħansitra n-nuqqas ta’ kontinwità wassal biex ħaddiema jitneħħew jew ma jiġġeddidtx il-kuntratt tagħhom. Hekk ġralhom xi ħaddiema fiċ-Ċittadella li saħansitra meta marru fil-Ministeru sabiex jiddiskutu l-pożizzjoni tagħhom, uffiċjal għoli ħafna fil-Ministeru indirizzahom bil-kliem “intom ma għadkomx mal-oħxon” u kelma aktar insolenti b’referenza għal Ministru ta’ qabel.

    Il-kontinwità assolutament ma eżistietx u din il-ħaġa Għawdex u l-Għawdxin bagħtew minnha. Bħalma bagħtew minn diversi proġetti li sfortunatament dawn l-aħħar sentejn u nofs jew mietu fi twelidhom jew qed jimxu b’mod tant leġġer li jista’ jissejjaħ redikolu. Hekk per eżempju t-triq li min-Nadur tagħti għal Għajnsielem jew l-Imġarr, minkejja ħafna ritratti u propoganda meta kienet ser tinbena saret ħofra u baqgħet hekk. Il-pixxina pubblika għadha tkaxkar, u dwar il-breakwater tant bżonnjuż ta’ Marsalforn, għajr pjanti li qajmu l-agħa tal-Għawdxin ma rajniex.

    Din is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli. Dawn it-truf kollha mibdijin u mhux kompli qegħdin biss f’xiber art u mhux f’xi pajjiż vast. Is-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata b’emerġenza minn min hu responsabbli. Għawdex jeħtieġ ikun il-vetrina tal-pajjiż kollu. Nestendi għalhekk l-awgurju li bdejt bih fil-bidu u ċioe għal sena aħjar mhux biss għal qarrejja, iżda ukoll għall-gżira ta’ Għawdex.