L-Alcoholics Anonymous

    Qrajt li l-10 ta’ Ġunju għandu sinifikat partikulari għal din l-għaqda. Dan għaliex l-ewwel laqgħa saret f’din il-ġurnata fis-sena 1935 ġewwa l-Amerka. Tferxet mad-dinja kollha u tat appoġġ lill-miljuni ta’ persuni u waslet ukoll Malta fl-1966.
    Inħoss li niġbdu kemm niġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku Malti, l-problema ta’ l-abbuż ta’ l-alkoħol xorta għadha problema kbira. Dan jidher speċjalment f’ċertu żgħażagħ tagħna li donnu m’għadhomx jafu jieħdu gost jekk ma jkunx hemm l-alkoħol fin-nofs. U agħar minn hekk li ma jaħsbux li ħadu gost jekk, kif jgħidu bil-lingwaġġ tagħhom  ma’ ‘jiddamdmux’ bl-abbuż ta’ l-alkoħol.
    Studju wara l-ieħor li saru mill-Aġenzija Sedqa flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni wrew kemm il-problema qalb iż-żgħażagħ hija inkwetanti. Imma ma nistgħux nagħmlu l-iżball li nikkonvertu l-figuri taż-żgħażagħ u noħorġu statistika għal adulti għax is-sitwazzjoni tinbidel xi ftit. Il-problema fiż-żgħażagħ twassal sabiex jieħdu deċiżjonijiet li l-anqas ikun konxji li ħadu, dan minbarra l-effetti negattivi fuq il-moħħ u l-ġisem li għadu qed jiżviluppa. Żgur ukoll li ħafna aċċidenti fit-toroq tagħna huma r-riżultat ta’ xorb alkoħoliku żejjed u xi wħud minn dawn ħasdu ħajjiet żgħar. Il-prevenzjoni fiż-żgħażagħ tirrikjedi ħafna edukazzjoni u alternattivi ta’ kif wieħed jieħu gost. Jinħtieġu wkoll il-ħiliet sabiex ikun kapaċi jirrifjutaw l-pressjoni imposta fuqhom minn sħabhom, is-soċjeta u r-riklamar.
    L-adult maqbud fil-problema għandu sitwazzjoni differenti. L-ewwel ħaġa aktarx ikun ilu jixrob ftit snin mhux ħażin u aktarx ikun dipendenti. L-Alcoholics Anoymous u l-mudell ta’ kif taħdem toffri spalla li dawk li jkunu qed jissieltu ma’ dan il-vizzju. Filfatt preċiżament hekk bdiet l-għaqda: tnejn minn nies, it-tnejn maħkuma mid-dipendenza ta’ l-alkoħol ftehmu li jiltaqgħu u jitkellmu fuq il-problema li kellhom. Il-ftit minuti li wieħed kellu għall-ieħor inbidlu fi tlett siegħat fejn tkellmu fuq il-problema li kellhom bl-alkoħol u ma xorbu xejn.  Kien dan il-fatt bażiku fejn żewġ minn nies alkoħoliċi għaddew ħin jitkellmu fuq il-problema u b’hekk għenu lil xulxin ma jixorbux. Hekk twieldet l-għaqda ta’ l-AA.
    Imma mportanti nifhmu lid-diskors li jsir mhux kwalunkwe diskors imma immirat sabiex jgħin lil min jattendi jindirizza l-problema tiegħu. L-AA ħolqot il-programm tagħha li hu mibni fuq it-tnax il-pass (kif isejħulha huma) u jindirizza l-aspett fiżiku, mentali u spiritwali. Forsi huwa l-fatt li jaraw lill-bniedem minn dan l-aspett ħollistiku li jagħmel id-differenza.
    Skont l-alkoħoliċi li jattendu għal dawn il-laqgħat, huwa biss meta tammetti li għandek il-problema li tista tibda miexi l-quddiem sabiex tindirizzaha. Sakemm tibqa ssib skuża għaliex qed tixrob, ma tkun qed tagħmel xejn ħlief tilgħab logħba miegħek nnifsek. Fuq kollox, sabiex tagħmel dan il-pass trid il-kuraġġ.
    Tista ssib għajnuna f’iktar minn post wieħed, semmejt lil Aġenzija Sedqa, insemmi ukoll lill-Caritas imma fiċ-ċentru ta’ dan l-artiklu hemm l-Alcoholics Anonymous. Qegħdin hemm għal min għandu bżonn l-għajnuna.
    Il-kuntatt ma’ din l-għaqda jista jsir bit-telefon fuq: 21239264; jew 79239264. Tista ukoll tibgħat imejl fuq: info@aamalta.org. Indirizz postali huwa: Alcoholics Anonymous, PO Box 418, Valletta.
    Jekk taħseb li dawn jistgħu jgħinuk, agħmel l-ewwel pass … jista jkun li din id-data titniżżel fid-djarju tiegħek bħala dik il-ġurnata meta twelidt mill-ġdid.

    Sina Bugeja