L-AIDS

    Qrajt fuq kontroversja li qamet fuq twitter minħabba xi kumment li persuna għamlet dwar l-AIDS u l-Afrika. Fil-waqt li ħafna akkużaw lil din l-persuna b’razziżmu, jien aktar inħossni ninkwieta minħabba l-injoranza li għad hawn fuq din il-marda u kif titieħet. Ħa nkun ċara, m’għandi l-ebda simpatija għal min ixaqleb lejn ir-razziżmu imma l-injoranza fuq mard li hawn ħafna nformazzjoni dwar kif wieħed jevitaħ mhix aċċettabbli l-anqas.

    l-ewwel ta’ Diċembru huwa jum iddedikat sabiex infakkru lid-dinja li teżisti l-marda qerrieda ta’ l-AIDS. Jum sabiex ikun hawn iktar għarfien u tqum aktar kuxjenza. Imma donnu li l-ewwel ta’ Diċembru ġie u mar u għal darba oħra ma’ ħalliex l-effett mixtieq.  Żgur mhux għan-nuqqas ta’ sforzi sabiex titwassal l-informazzjoni imma donnu qed ngħixu f’tellieqa sfernata fejn l-anqas għandna ħin nieqfu nisimgħu x’qed jingħad u nifhmuh. Jew akatrx li naħsbu li lilna mhux se jiġrilna xejn ….

    l-marda ta’ l-AIDS hija ikkaġunata mill-virus HIV (Human Immunodeficiency Virus). Virus li jgħaddi minn persuna għal oħra b’modi speċifiċi. Dawn huma:

    • Kuntatti sesswali fejn persuna minnhom tkun infettata b’dan il-virus;
    • Waqt it-tqala minn omm infettata lit-tarbija tagħha;
    • Użu ta’ labar jew oġġetti oħra li jintużaw għat-teħit tad-droga minn aktar minn persuna waħda (sharing) u fejn xi ħadd ikun diġa nfettat;
    • Minn demm infettatat jekk u meta jingħata bħala transfużjoni;

    Importanti nelaboraw kemm kemm aktar fuq din l-informazzjoni. Il-virus ma’ jagħmilx distinzjoni la mill-kulur tal-ġilga u lanqas mis-sess ta’ min huwa nvolut. Mela iswed, abjad, isfar jew kwalunkwe kulur jew razza ma’ toffri ebda protezzjoni kontra l-virus. L-anqas ma jagħmel differenza bejn irġiel u nisa u l-anqas jekk humiex eterosesswali jew omosesswali. Min jesponi ruħu għal dan il-virus irid jirrejalizza li qed jieħu riskju li jinfetta ruħu b’virus li sal-lum għad m’għandniex kura biex il-ġisem jeħles minnu. Kura sabiex persuna nfettata tgħix ħajja kemm jista jkun tajba għandna, u tgħin ħafna, imma dak li jkun jibqa nfettatat u jista jinfetta lil oħrajn kif spjegat hawn fuq.

    Trabi li jitwieldu minn omm infettata għandhom ukoll ir-riskju li jekk ma’ jieħdux il-virus waqt it-tqala jew it-twelid, jistgħu joħduħ mill-ħalib ta’ l-omm waqt li l-omm tkun qeda treddha lit-tarbija tagħha. L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa tgħati l-parir li waqt li l-ħalib ta’ l-omm huwa dejjem l-aħjar għat-tarbija, f’kas li l-omm hija nfettata bil-virus ta’ l-HIV, allura m’għandhiex tredda lit-tarbija tagħha.

    Waqt li kulħadd jifhem li t-tehid tad-droga fil-vina tpoġġi lil persuna f’riskji partkulari għas-saħħa, meta il-labra u / jew is-siringa li tintuża tkun intużat minn persuna jew persuni oħra, ir-riskju ta’ nfezzjoni b’dan il-virus jew b’xi virus ieħor jiżdied ħafna. Din hija r-raġuni għalfejn dejjem saru sforzi kbar sabiex min jieħu d-droga fil-vina jingħata labar u siringi ndaf. Jekk jinfettaw ruħhom anke jekk u meta jaqtgħu d-droga l-virus jibqa hemm. Forsi qabel ma’ ngħaddu kummenti negattivi dwar dak jew l-oħra, aħseb ftit … kieku dak jew dik li llum maqbuda mill-vizzju tad-droga kien xi ħadd jiġi minnek, kont trid li nieħdu ħsiebu bl-aħjar mod?

    Forsi hawn min qed jistaqsi x’inhi d-differenza bejn il-virus (HIV) u l-AIDS. AIDS (Acquired Immuno Deficiency Syndrome) hija l-marda jew mard li wieħed jiżviluppa wara żmien li jkun ilu li infettata ruħu bl-HIV.  Persuna jista jdum snin infettat bl-HIV (dawn jissejħu HIV +ve jew li meta ittestjawlhom d-demm għal dan il-virus instabu li huma nfettatati) u kważi ma’ jkollu l-ebda sintomu imma xorta jkun nfettiv. Meta il-virus jidħol fil-ġisem jibda jagħmel ċerta ħsara għax jattakka s-sistema ta’ l-immunita u jekk ma’ tinbediex il-kura, il-persuna jibda sejjer lura għalkemm dan ma’ jidherx mill-ewwel. Il-kura hija iebsa għax trid titieħet b’eżattezza kbira imma hija meħtieġa.

    La rajna kif jittieħet il-virus, allura nistgħu nifhmu kif ma’ jittiehetx. Minn kuntatti soċjali normali m’hemm ebda riskju u għalhekk jekk ilkoll kemm aħna nuru responsabbilta lejna nnfusna u lejn l-oħrajn, il-virus ma’ jibqax jinxteret … Jekk minn naħa l-oħra, nintebħu li qed nieħdu riskji, l-aħjar huwa li nibdlu l-istil ta’ ħajja li qbadna … 

     

    Sina Bugeja

    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali