L-aħħar ta’ Ottubru u l-qara ħamra

    Inqalgħu ħafna diskussjonijiet dwar jekk il-Halloween hix festa ta’ min jiċċellebra jew le. Jidher ċar lid-dinja saret raħal wieħed – dak li jiġri f’rokna tad-dinja jinħass u jeffettwa ir-rokna l-oħra. Mingħajr ma nidħol f’din il-polemika, għalija huwa nteressani ferm il-fatt li ħaxixa sempliċi saret popolari għax għandha post ċentrali f’din il-festa. Qed nirreferi għall-qara ħamra. Narawha f’forma ta’ fanali li suppost ibeżżgħu u jekk wieħed jgħati daqqa t’għajn naraw il-qara ħamra f’kull sura f’dan il-perjodu partikulari.
    Imma l-qara ħamra għandha rwol importanti fid-dieta tagħna. Minbarra li tikber hawn Malta u allura nsibuha faċli u fl-istaġun, l-qara ħamra ta’ min idaħħalha fl-ikel tiegħu għax għandha vantaġġi partikulari.
    Kikkra qara ħamra magħffġa fiha biss 50 kalorija u 3 grammi fibra. Kif nafu, l-fibra timliena u għalhekk jaqbadna inqas ġuħ u nieklu inqas. Dan importanti ħafna meta nqisu li kważi kulħadd qiegħed fuq xi dieta biex innaqqsu l-pis. Kikkra mimlija bil-biċċiet tal-qara ħamra fiha aktar mid-doppju ta’ Vitamina A li għandna bżonn ta’ kuljum sabiex inħarsu l-vista tagħna. Minbarra l-effett pożittiv fuq il-vista il-Vitamina A tgħina biex ikollna ġilda, għadam u snin b’saħħithom.
    Kull uqija taż-żerriegħa tal-qara ħamra fiha 1.7 grammi ta’ fibra, fil-waqt li l-istess żejt ta’ din iż-żerriegħa fih ċertu sustanzi li jgħinu biex tiġi evitata l-pressjoni għolja. Esperimenti fuq il-ġrieden taw riżultati pożittivi. Minbarra dan, il-qara ħamra u ż-żerriegħa tagħha fihom sustanzi oħra li jgħinu lil dak li jkun jorqod aħjar u jgħinu lil ġisem jagħmel aktar serotonin li hija sustanza li ġġielek tħossok aħjar u aktar rilassat.
    Aktar riċerka uriet kif il-qara ħamra u ż-żerriegħa tagħha hija partikularment tajbin għall-irġiel għax inaqqsu l-possibilita ta’ xi problemi fil-prostata. Niftakru ukoll li ż-żerriegħa tal-qara ħamra fiha amont tajjeb ta’ zingu li huwa bżonjuż għas-saħħa.
    Il-fibra li fiha l-qara tgħin ukoll sabiex nieħdu ħsieb qalbna. Studji wrew kif min jiekol dieta fejn l-ammont ta’ fibra huwa għoli, inaqqsu ċ-ċans li jkollu mard tal-qalb b’40 fil-mija meta mqabbla ma’ rġiel ma kellhomx dieta għolja fil-fibra. L-istess instab minn studju ieħor fuq in-nisa għalkemm id-differenza kienet ta’ 25 fil-mija.
    Għandna ħafna riċetti lokali kif nistgħu nużaw il-qara ħamra imma jekk minnha nagħmlu deżerti mimlija b’ħafna zokkor, allura il-benna tagħha li semmejna hawn fuq tintilef meta nqisu l-effett taz-z-zokkor.
    Iltqajt ma’ riċetta ta’ kif tagħmel inslata bil-kuskus u bil-qara ħamra mixwija.
    Ikollok bżonn:
    – 600g qara ħamra, imnaddfa u imqatti f’kubi żgħar;
    – 2 basliet imdaqqsa u imqatta fi xi sitt flieli;
    – Bżaru aħmar u ieħor isfar, imnaddfa u mqatta fi strixxi;
    – 2 kuċċarini kemmun u 2 kuċċarini kożbor;
    – Kuċċarina waħda chilli (bżar aħmar) – jekk tiggusta;
    – 2 imgħaref ħall;
    – 200g kuskus u 150 ml ilma sħun u dada ta’ l-istokk;
    – Ftit tursin għal wiċċ.

    Saħħan il-forn għal 180 grad C. Poġġi l-qara, l-bżar u l-basal fuq pjanċa tal-forn u itfa ftit taqtir taż-żejt fuqhom. Itfa fuq il-ħaxix iz-zrieragħ imfarka ħafif ħafif flimkien maċ-chilli jekk se tużah. Aħmi għal 45 minuta u kull ċertu ħin ħawwad il-ħaxix biex ma jinħaraqx. Oħroġ mill-forn, itfa l-ħall fuqu u ħallieh jibred. Sajjar il-kuskus skond l-istruzzjonijiet tal-pakett. Servi l-ħaxix u l-kuskus bi ftit torsin fil-wiċċ,
    Riċetta ħafifa u bnina.

    Sina Bugeja