L-aċċident tal-ajru fl-Alpi

    Kulħadd tkexkex kif sema’ l-aħbar li ajruplan tal-Germanwings kien waqa fl-Alpi Franċiżi. Fl-Ewropa ma tantx aħna mdorrijin nisimgħu b’dat-tip ta’ diżgrazzji u ħafna drabi nassoċjawhom ma’ partijiet oħra tad-dinja fejn il-manutenzjoni tal-ajruplani u s-saħħa u s-sigurta tan-nies involuti forsi mhumiex daqshekk fuq in-naħa ta’ fuq tal-aġenda nazzjonali.
    Intqalu ħafna affarijiet: uħud veri u oħrajn qlajjiet … kif jiġri dejjem f’sitwazzjonijiet simili. Il-fatt li l-ko-pilota kien qed ibgħati minn dipressjoni ingħatat ċertu importanza mill-media. U sfortunatament erġajna bdejna niġġeneralizzaw fuq is-saħħa mentali u kif din għandha tiġi ttrattata.
    Qrajt affarijiet xejn sbieħ dwar dan u fil-verita lanqas ngħati tort sa barra lil min kiteb b’ċertu mod għax il-ħasda tal-ħajja ta’ 150 ruħ toħloq ċertu biżat u mistoqsijiet. U allaħares mhux hekk. Imma għalija mistoqsija kardinali hija dwar ir-rapport li hemm bejn min ħareġ iċ-ċertifikat wara li eżamina lil din il-persuna u min iħaddmu.
    Fil-waqt li d-dritt għall-protezzjoni tal-informazzjoni huwa sagrosant, wieħed irid jara li dejjem ikun hemm bilanċ bejn il-persuna nvoluta u min jista jsofri konsegwenzi ta’ ċirkostanzi partikulari. Qatt ma nista naqbel li ċertu informazzjoni toħroġ bħal li kieku xejn, imma lanqas jagħmel sens li l-individwu, fiċ-ċirkostanza li jkollu jista jaħbi nformazzjoni mportanti minn min iħaddmu.
    X’obligu għandu min eżamina lil din il-persuna f’dawn iċ-ċirkostanzi? Kien jaf li kien pilota? Hemm mod fis-sistema kif ma tgħidx il-verita dwar ix-xogħol li tagħmel u hemm mod dwar kif dak li tgħid jiosta jiġi vverifikat? Ġieli qrajna jew smajna ċajtiet dwar persuni li jispjegaw ix-xogħol li jagħmlu b’mod li jkun il-bogħod ħafna mill-verita. Imma ċajta mod u r-rejalta tal-ħajja ħaġa oħra. U jekk kien magħruf li x-xogħol tal-persuna kien pilota, min iħaddmu għandu dritt ikun jaf li ma’ jistax jaħdem? Nemmen li r-raġuni m’għandhiex tingħad speċjalment meta wieħed iqis kemm għadha kbira l-istigma, almenu hawn Malta. Imma rapport li persuna m’għandhiex titħalla taħdem jew li jkun aħjar għaliha li jinbidel ix-xogħol għal perjodi għandha tkun in-norma. Forsi li wieħed jitwaqqaf mix-xogħol mhix l-aħjar għażla, imma għandu jkun offrut xogħol ieħor fejn li hu u lanqas oħrajn ma jkunu fil-periklu.
    Il-linji ta’ l-ajru diġa ħadu ċertu passi, imma naħseb li l-bidla mhux hemm biss hemm bżonnha. Anke kieku l-proċeduri li ġew introdotti issa, kienu f’posthom u minflok dak li ġara, kien li l-kaptan ħassu ħażin, kien ikun kapaċi l-ko-pilota li jieħu ħsieb l-ajruplan u jwasslu fejn kellu jwasslu, anke jekk kien hemm membru ieħor tal-ekwipaġġ miegħu fil-kabina? Għalhekk jien naħseb li fil-waqt li f’dawn iċ-ċirkostanzi, azzjoni mmedjata hija mportanti, studju aktar profond tas-sistema huwa neċċessarju sabiex sitwazzjoni bħal din ma jerġgħux jiġru.
    Fejn falliet is-sistema preżenti? X’inhuma l-obligi ta’ kull min huwa nvolut sabiex il-ħajja ta’kulħadd tkun imħarsa?
    Nistenna li mill-investigazzjonijiet, l-aħjar soluzzjoni tinstab u tiġi attwata.

    Sina Bugeja