L-abort żball mhux dritt

    Facebook/Voice for Choice

    Il-ġimgħa l-oħra assisstejna għal manifestazzjonijiet fil-Belt Valletta, kemm favur u kemm kontra l-abort. Min jisħaq li hu dritt, u min jisħaq li hu delitt. Hu fatt mhux ikkontestat illi f’dawn l-aħħar snin rajna diversi bidliet fil-mentalità tas-soċjetà Maltija. Introduċejna d-divorzju li qabel kien qisu sagrileġġ; introduċejna d-dritt ta’ żwieġ bejn koppji tal-istess sess u ħafna drittijiet assoċċjati u għadd ta’ drittijiet oħra fejn tidħol l-ugwaljanza bħal pereżempju li r-raġel jista’ jieħu kunjom il-mara fiż-żwieġ – affarijiet li sa ftit snin ilu mhux biss l-anqas konna noħolmuhom iżda konna nitbissmu quddiemhom jew nistkerrħuhom. Imma dan ifisser illi nistgħu nibqgħu inġebbdu l-ispaga u ntawwlu dejjem taħt il-kappa tad-drittijiet u għax issa sirna aktar moderni?

    Id-dritt huwa terminu wiesgħa. Terminu sabieħ, iżda li faċilment jista’ jiġi abbużat. Għalhekk dejjem intqal illi d-dritt ta’ wieħed jieqaf sakemm ma jirfisx fuq id-drittijiet tal-ieħor. Fil-liġi hekk tgħallimt. Jekk pereżempju ġo ħwejġi għandi dritt nagħmel li rrid, iżda naghmel li rrid sakemm ma nirfisx id-dritt tal-ġar tiegħi. Għalhekk ġo ħwejġi xorta ma nistax indoqq mużika b’volum għoli f’ħin l-irqad għax id-dritt tiegħi li ndoqq il-mużika ġo dari hu mxekkel mid-dritt li l-ġirien tiegħi jgħixu fil-paċi ġo darhom. L-istess pereżempju jekk bniedem għandu dritt li jpejjep anke jekk qed jagħmel ħsara għal saħħtu, dak id-dritt jieqaf meta jkun f’restorant jew fuq tal-linja għaliex ma jistax jippretendi li jpejjep u jdejjaq lil ħaddiehor, Id-dritt ta’ wieħed jieqaf fejn jibda d-dritt tal-iehor.

    U hekk fl-abort. Id-drittijiet tal-mara, li bħal kull ħlejqa ħajjha għandha dritt li tgawdi ħajjitha kif jidrilha, jieqfu mal-mument li hi tkun se taffettwa d-drittijiet ta’ ħaddiehor u f’dan il-każ id-drittijiet tat-tarbija f’ġufha li hija persuna mhux biss bijoloġikament iżda anke f’għajnejn il-liġi. Fil-fatt, per ezempju, mill-mument tal-konċepiment dak il-fetu hu meqjus bħala persuna għal dawk li huma liġijiet ta’ wirt.

    U ġaladarba dak li hemm f’ġuf l-omm hu persuna, allura d-drittijiet tiegħu iridu u għandhom jiġu protetti. L-allegazzjoni li l-abort hu dritt tal-mara huwa biss argument fallaċi u egoist, li jinjora d-drittijiet ta’ ħaddiehor. Il-kultura favur ‘l-għażla’ ma tistax iġġebbidha u twessagħha biex tinkludi l-abort. Jekk se ngħidu li l-abort jista’ jkun għażla dan ifisser li qed inkunu aktar kapriċċużi għaliex il-kelma ‘għażla’ hija ferm aktar fil-baxx mill-kelma ‘dritt’.

    Xejn ma jiswa’ l-argument ta’ min jippromwovi l-abort illi Malta hija fost il-ftit pajjiżi li ma jippermettux l-abort. Dak hu unur li għandna biex niftaħru bih. Jekk hemm bżonn inkunu l-uniku pajjiż fid-dinja li nuru li fadlilna kuxjenza u li ngħożżu lil uliedna, u niċhdu l-abort, xejn ma jimporta. Kif jgħidu l-Ingliżi jekk hemm bżonn ‘we stand up to be counted’.

    Ir-rabta u l-ħlewwa bejn l-omm u l-ulied hija xi ħaġa tan-natura. Xi ħaġa sabiħa li ħadd ma jista’ jiddiskriviha, u forsi li l-anqas aħna l-irġiel m’aħna kapaċi nifmhu. Anke annimal jagħmel minn kollox biex igeddes u jipproteġi liż-żgħar tiegħu. U fejn annimal domestiku jirrispettak tul ħajjtek kollha, dakinhar li jkollu iż-żgħar jattakkak għax l-istint matern jgħidlu biex jipproteġihom. Iżda jidher illi din il-kultura ta’ libertà li qbadna dawn l-aħħar snin, qed tostor dan l-istint u l-ħlewwa materna. Sfortunatmanet din il-kultura li qed tieħu post il-kuxjenza dettata min-natura stess.

    L-abort hu żball kbir. Kull meta l-bniedem ħadha kontra n-natura dejjem spiċċa tellief. L-ewwel telliefa fl-abort hija l-omm innifisha, mhux biss għax tkun tilfet ħajja minn ġo fiha, ħajja li hi stess setgħet raddet lid-dinja, iżda anke bid-dwejjaq u s-sens ta’ ħtija li jibqalha għal snin twal wara. Persentaġġ tajjeb ta’ nisa li għamlu l-abort spiċċaw f’dipressjoni u dan waħdu għandu juri kemm huma falzi l-argumenti favur l-abort.

    L-ulied fil-ġuf jimmeritaw kull protezzjoni. Huma għandhom d-dritt tal-ħajja li hu sagrosant aktar mid-dritt li tal-omm li toqtol biex toqgħod tajjeb hi. J’Alla il-liġi Maltija u l-poplu Malti jibqgħu sodi kif kienu sal-lum, quddiem dawn it-tentazzjonijiet moderni.