L-Abbuż

    Sa ftit snin ilu ħadd ma kien jitkellem fuq l-abbuż fuq it-tfal speċjalment dak sesswali. U għalkemm sfortunatament kien iseħħ, kien meqjus bħala xi sigriet li ħadd ma jitkellem fuqu. Din it-tendenza tidher li kienet imferrxa ħafna.
    L-abbuż fuq it-tfal huwa att ikrah ħafna speċjalment meta tqis li dawk li jabbużawhom aktarx kienu suppost jieħdu ħsiebhom u responsabbli minnhom. L-abbuż qatt ma jista jiġi aċċettat jew skużat! It-tfal dejjem meqjusa vulnerabbli.
    Dawn l-aħħar snin smajna b’kemm il-każ ta’ tfal li kienu abbużati u l-midja wasslet messaġġi varji fuq dak li jkun seħħ. Imma mhux il-midja biss ittrattat il-każijiet minn angoli differenti. Donnu m’hemmx linji gwida lanqas għall-pulizija. Każ jittressaq mill-ewwel u każ simili jsiru l-investigazzjonijiet l-ewwel. Naħseb li fejn jidħlu t-tfal, irridu nkunu kawti ħafna imma kull persuna għandha ukoll d-drittijiet tagħha u dawn iridu jkunu mħarsa.
    Issa qisu lis-soċjeta għaddejja mill-effett imsejjaħ pendlu, fejn minn pożizzjoni jmmorru eżatt in-naħa l-oħra – bħaċ-ċaqliqa tal-pendlu tal-arloġġ. L-ewwel ma’ nitkellmux fuq is-suġġett u issa malli jkun hemm suspett, il-midja kollha tixgħel u tiddiskuti dak li kien u dak li ma’ kienx. Tinkwieta tara każijiet li għall-pubbliku jidhru l-istess ittrattati differenti u bi proċeduri differenti.
    Importanti lit-tfal ikunu mgħallma dwar x’inhu aċċettabbli u x’mhux u importanti ukoll ngħallmuhom kemm huwa importanti li tingħad il-verita u x’tista tkun il-konsegwenza jekk jintqal xi gideb. Smajna bi tfal imfarfra li għeddew li xi adult li kien magħhom li se jgħidu li ittanthom jekk ma’ jeħdux dak li jridu. U minħabba li fejn jidħlu t-tfal dejjem ngħatuhom l-ispazji neċċessarji sabiex jitkellmu, jista persuna jkun akkużat mingħajr ħtija. Għalhekk l-investigazzjoni bir-reqqa hija neċċessarja ħafna.
    Akkuża ta’ din ix-xorta m’hiex ċajta. Teffettwa lil dak li jkun b’modi varji u trawma bħal din mhux la kemm tħalliha warajk qisu ma’ ġara xejn. Bl-istess mod tfal abbużati jkunu ttrawmatizzati għal ħajjithom u ma nistgħux inħallu lok għal-suspett.
    Għalhekk l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta’ mportanza kbira. Lezzjonijiet apposta jgħallmu lit-tfal li hemm linja u li jekk tinqabeż dawn għandhom jgħidu dwar dan lil xi adult f’ħajjithom li jafdaw. Ħafna esperjenzaw il-programm tal-pupazzi li tagħmel Sedqa fit-Tielet Sena tal-Primarja fejn il-facilitators jitkellmu mat-tfal fuq il-‘private body’. Waqt li t-tfal ikunu qed jagħmlu dawn il-lezzjonijiet, il-ġenituri tagħhom ukoll ikun magħrrfa bis-suġġetti li qed ikunu diskussi sabiex ikomplu fuq is-suġġetti d-dar ukoll. Imma żgur li jsir ħafna aktar tagħlim mill-għalliema nnfushom minbarra l-ġenituri.
    Imma informazzjoni mingħajr responsabbilta ta’ kull parti ma twassalx għar-riżultati mixtieqa. Filwaqt lit-tfal iridu jkunu mgħallma bi dritt tagħhom li ħadd ma jabbuża minnhom, huma, bil-mod li jifhmu iridu jkunu mgħallma li jridu jirrispettaw lill-adulti li jkunu qed jieħdu ħsiebhom.
    Qrajt ħafna kummenti fuq il-midja soċjali dan l-aħħar fejn qed jinxtered biża ta’ akkużi mhux minnhom. Niżbaljaw bl-ikrah jekk ma’ nikkontrollawx s-sitwazzjoni għax għandna ħafna attivitajiet immexxija minn voluntiera li jistgħu jkunu mgħedda. Dawn l-attivitajiet huma ta’ sfog u opportunita għat-tfal u ta’ ftit serħan għall-ġenituri. Għat-tfal li qed jgħixu f’ċirkostanzi diffiċli, dawn l-attivitajiet jistgħu jagħmlu d-differenza f’ħajjithom għax joħorġu għal ftit ħin mill-problemi ta’ madwarhom u jkollhom l-opportunita jkunu tfal …. kultant għal ftit ħin biss.
    Forsi jekk nikkontrollaw is-sensazzjonaliżmu u nħallu lill-esperti jagħmlu xogħolhom u jagħtu d-direzzjoni meħtieġa, s-soċjeta tagħna tibbenefika aktar.

    Sina Bugeja