Kura ta’ 3 minuti? Mhux li kien!

    Issa li wasalna f’nofs Frar, ċerta li d-determinazzjoni ta’ ħafna dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena bdiet tmajna, u forsi qed infittxu metodi eħfef ta’ kif nilħqu l-għanjiet tagħna. Naraw ħafna riklami ta’ kif f’ġimgħa nistgħu nitilfu xi 4 kilos żejda, jew kif bi trattament ta’ kwarta, il-ġilda terġa’ tiġina daqs li kieku għandna sittax.

    Dan it-tip ta’ riklam ħafna drabi ma nagħtux kasu, iżda dil-ġimgħa, online beda jdur riklam ħafna iktar perikoluż. ‘3 minuti u neħilsuk mid-dipressjoni, mingħajr mediċina, mingħajr sptarijiet, u b’xejn’ – hekk kien qiegħed iwiegħed dan ir-riklam.

    Għal dawk li ta’ sikwit ibatu minn xi tip ta’ dipressjoni jew ansjetà, li tara riklam bħal dan huwa, bla dubju, insult. Dan hu mard li ġej minn numru vast ta’ kundizzjonijiet psikoloġiċi u emozzjonali, li jġib miegħu tbatija kbira, speċjalment għaliex soċjalment m’hemmx biżżejjed għarfien dwaru. Riklami ta’ dan it-tip ikomplu jżidu ma’ dan in-nuqqas ta’ għarfien, u jippromwovu l-messaġġ qarrieqi li l-mard mentali huwa eħfef biex tikkurah minn mard fiżiku, jew, li agħar minn hekk, huwa trivjali jew non-eżistenti.

    Id-dipressjoni mhix fażi. Mhix burdata. Hi marda reali – u dan għandna bżonn nibqħu nirrepetuh sakemm jifhimha kulħadd.

    Fi żmien fejn il-mard mentali qiegħed jiżdied f’pajjiżna, għandna bżonn niġġieldu l-istigma li hemm madwaru b’fatti u informazzjoni, mhux bl-ingann u informazzjoni falza. Skont l-aħħar informazzjoni mogħtija fil-Parlament, il-persuni li fittxew l-għajnuna għal problemi ta’ saħħa mentali żdiedu, b’ħafna minnhom jgħixu fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ pajjiżna. Filwaqt li din iż-żieda tista’ tkun pożittiva, fis-sens li iktar nies qiegħdin ifittxu l-għajnuna għas-saħħa tagħhom minn qatt qabel, xorta jibqa’ l-fatt li s-saħħa mentali hi kwistjoni serja, li għandna bżonn nindirizzaw mill-aktar fis possibbli.

    L-ikbar disservizz li nistgħu nagħmlu, kemm lill-pazjenti, kif ukoll lill-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam, hu li nemmnu li hemm xi kura mirakoluża li ssolvilek id-dipressjoni fi tlett minuti.

    Id-dipressjoni hi vasta, kumplessa, u taffettwa lil kull individwu b’modi differenti. Tista’ tolqtok minħabba problema li tkun għaddej minnha fuq ix-xogħol, jew fil-familja, iżda daqstant ieħor tista’ tiġi fuqek bħal leħħa ta’ berqa, mingħajr l-ebda kawża viżibbli. Spiss persuni li jkunu għaddejjin mid-dipressjoni jippruvaw jaħbuha, jew ma jifhmux x’inhu jiġrilhom. F’dan il-kuntest, ejja nkunu ta’ għajnuna u sostenn, ejja nkunu sensittivi għal dak li persuna tkun għaddejja minnha, u fuq kollox ejja nkunu preżenti mingħajr ma qatt niġġudikaw.

    Eluf ta’ persuni jibqgħu mingħajr ma jsibu l-għajnuna tant meħtieġa – sfortunatament, eluf oħrajn jaqgħu fin-nasba ta’ riklami qarrieqa, u mhux talli ma jsibux għajnuna professjonali, talli jingħataw informazzjoni li tagħmlilhom ħajjithom miżerja, jew agħar, twassalhom biex itemmu ħajjithom.

    B’rispons immedjat għal dan ir-riklam, l-uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ħareġ sejħa biex wieħed ifittex għajnuna biss minn persuni u entitajiet reġistrati u rikonoxxuti fil-qasam tas-saħħa mentali.

    Ilkoll nafu li r-rimedji ta’ malajr qatt ma solvewlna l-problemi f’ħajjitna. Ejja niġġieldu l-istigma li teżisti fuq is-saħħa mentali u nkunu dejjem preżenti għal dawk li għandhom bżonnha f’ħajjithom.