Kumpens f’każ ta’ vaganzi u tours

    Nhar l-4 ta’ Novembru 2015, il-Qorti tal-Appell (Inferjuri), ppreseduta mill-Onor. Imħallef Anthony Ellul, qatgħet is-sentenza fil-kawża fl-ismijiet Andrew Bugeja et vs. Bugeja M. Travel Ltd.
    Dan huwa appell minn sentenza tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar, liema sentenza kienet ingħatat fl-10 ta’ Jannar 2013.
    L-atturi talbu li jitħallsu €3,200 mis-soċjetà konvenuta peress illi l-pakkett ta’ vaganza fi Sqallija li kienu xtraw ma kienx tal-kwalita miftehma u mistennija, partikolarment fejn jidħlu excursions u l-akkommodazzjoni fil-lukanda.
    It-Tribunal qal li dan kien każ fejn ingħata servizz u mhux bejgħ ta’ prodott. Qal ukoll illi għalkemm fl-avviż li bih inbdiet il-kawża quddiem it-Tribunal kien issemma bejgħ, irrispettivament min-nomenklatura, ir-riżultat xorta waħda kien li Andrew Bugeja u l-atturi l-oħrajn sofrew danni. It-Tribunal kien qal ukoll li mill-provi mressqa rriżulta li rigward il-lukanda u l-excursions, is-soċjetà konvenuta kellha t-tort għan-nuqqasijiet u għalhekk ordnatilha li tħallas €2,500 lill-atturi.
    Is-soċjetà konvenuta appellat u ressqet is-segwenti aggravji (fost oħrajn):
    i. Li skont l-Artikolu 1390 tal-Kodiċi Ċivili, f’każ li l-oġġett ma jkunx tal-kwalità miftehma, ix-xerrej għandu d-dritt li jew jirrifjuta l-oġġett jew inkella, jirċevih bi prezz imnaqqas, u dan ma kienx dak li ordna t-Tribunal f’dan il-każ; u
    ii. Li t-Tribunal injora għal kollox l-eżistenza ta’ kuntratt bejn il-partijiet.
    Hawnhekk il-Qorti tal-Appell eżaminat il-fatti u rat x’kien suppost jinkludi l-prezz tal-pakkett tal-ivvjaġġar u li ma kien ġie ffirmat ebda kuntratt. Ġie nnutat li l-pakketti tal-ivvjaġġar huma rregolati mir-Regolamenti dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar, Pakketti Vaganzi u Pakkett ta’ Tours (Leġislazzjoni Sussidjarja 409.01), fejn l-istess Regolamenti jirreferu ghall-bejgħ ta’ pakkett tal-ivvjaġġar.
    Il-Qorti tal-Appell qalet li ma kien hemm xejn li jżomm lit-Tribunal milli jiddeċiedi favur l-atturi ladarba kien sodisfatt li s-soċjetà konvenuta kienet naqset mill-obbligi tagħha.
    Meta l-Qorti tal-Appell waslet biex teżamina l-aggravju rigward l-Artikolu 1390 tal-Kodiċi Ċivili, il-Qorti qalet li s-soċjetà appellanti ma kinitx korretta meta fir-rikors tal-appell qalet li l-azzjoni mertu tas-sentenza kienet imsejsa fuq l-istess Artikolu 1390. Dan għaliex it-Tribunal kien ċar fil-fehma tiegħu li dan kien każ ta’ appalt, u l-Artikolu 1390 ma jitkellimx dwar appalt.
    Barra minn dan, il-Qorti osservat li skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 409.01, l-organizzatur huwa responsabbli lejn il-konsumatur mit-twettiq tal-obbligi kollha, u ma jistax juża bħala skuża l-fatt li forsi partijiet terzi naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom versu l-organizzatur.
    Il-Qorti nnutat ukoll lil-brochure tal-vaganza ma jammontax għal kuntratt. Il-fatt li persuna tkun ħallset sabiex tkun parti minn tour abbażi ta’ dak deskritt fi brochure ma jfissirx li dak miktub fil-brochure ingħata saħħa ta’ kuntratt. Il-Qorti qalet ukoll li għax-xiri ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mhux neċessarju li jiġi ffirmat kuntratt bejn il-partijiet. Madankollu, skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 409.01, l-organizzatur huwa obbligat li jagħti kopja bil-miktub tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt lix-xerrej.
    Irriżulta mill-provi li għalkemm l-atturi ngħataw brochure ta’ lukanda partikolari, huma spiċċaw f’lukanda differenti. Il-Qorti qalet li l-fatt li wieħed jingħata brochure ta’ lukanda partikolari normalment jindika li wieħed se jkun alloġġat f’dik l-istess lukanda. Barra minn dan, il-lukanda li kienu fiha kellha kmamar wisq żgħar, ma kellhiex air conditioning, kellha showers żgħar u ma kellhiex lift.
    Wara l-ilmenti tagħhom tul il-vaganza, l-atturi ntbagħtu f’lukanda oħra iżda ma ngħatawx kmamar u kellhom jirritornaw fil-lukanda oriġinali. Eventwalment, reġgħu ntbagħtu fil-lukanda l-oħra iżda f’binja differenti tagħha. Sa dak il-ħin kien laħaq sar tard filgħaxija. Irriżulta wkoll li f’din il-lukanda kienu bbukkjati biss għal jumejn, u għalhekk l-aħħar lejl kellhom iqattgħuh f’lukanda oħra li nzertat kienet ħdejn linja tal-ferrovija u bl-istorbju tal-ferroviji għaddejjin il-ħin kollu, ma setgħux jorqdu.
    Is-soċjetà konvenuta qalet illi l-atturi kellhom jagħtu prova tat-telf li ġarrbu. Il-Qorti rat id-Direttiva Ewropea 90/314/EEC tal-1990 u l-każ C-168/00 fejn il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qalet li l-konsumatur għandu dritt li jkun kumpensat anki għal danni mhux materjali.
    Għalhekk, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza appellata fejn it-Tribunal kien ordna lis-soċjetà konvenuta sabiex tikkumpensa lill-atturi billi tħallashom €2,500.