Kromb il-Baħar

    Il-­kromb il­-baħar hija pjanta indiġena Maltija, jiġifieri din minn dejjem kienet tikber fil­-gżejjer Maltin qabel il­-bniedem rifes fuq dawn il-­ġżejjer. Din hija pjanta perenni: tgħix għal numru ta’ snin u mhux għal sena waħda biss. Tikber mal­-kosta u tiflaħ għall­kondizzjonijet ħorox, b'ħar­raxx tal­-baħar, sħana u nuqqas ta’ ilma. Togħla madwar 100ċm u tħaddar is-­sena kollha.
    Il-­kromb il-­baħar tikber ukoll fil-­punent u fiċ-­ċentru tal-­Mediterran u fit-­tramuntana tal­-Afrika, fin-­nofsinhar tal-­Ewropa u wkoll fit­Turkija. Imma l-­ispeċi li tikber fil-­gżejjer Maltin hija sotto­speċi endemika, u din tikber biss fil­-gżejjer Maltin u fi Sqallija. Bħala speċi endemika hija mħarsa bl’Aviż Legali 311 tal-­2006.
    Il-­weraq tal­-kromb il­-baħar huma forma ta’ lanza twal minn 5 sa 15 -­il ċm u twal minn 3 sa 7 ċm. Il­-weraq jaqbdu mal-­magħseb fuq għonq u jkollhom qatgħat qishom swaba qosra. Kemm il­-weraq kif ukoll il-­magħseb huma miksija b’xagħar matt abjad kemmxejn twil li jikber fuq ġenbu u li jagħti dehra fiddiena lill-­pjanta. Dan aktar jiksi l­-weraq minn taħt milli minn fuq, tant li meta l­-weraq jeqdiemu minn fuq ikunu lixxi u aktar ta’ lewn ħadrani. Il-­kromb il­-baħar jikber fix-­xquq tal­-blat, mal-­ħitan u fix-­xquq tagħhom u huwa komuni ħafna ħdejn il-­baħar. Wieħed jista’ jarah bil­-fjur matul ir­-rebbiegħa u s-­sajf.
    Il-­fjuri tal-­kromb il-­baħar ikun fihom madwar 4 ċm dijametru, jikbru fuq għonq qasir imħaddnin ma’ xulxin u mgħaqqdin ma’ magħseb, u hekk jiffurmaw bukkett. 
    Din il-pjanta indiġena tintuża wkoll fil-mediċina tradizzjonali. Taħlita minn din il-pjanta tintuża biex jinħaslu l-għajnejn minħabba l-katarretti, minħabba viżta mċajpra, u anki għall-inflammazzjoni tal-għatu tal-għajn minn ġewwa fejn jgħatti l-għajn.
    Minbarra hekk il-­kromb il­-baħar jiġi kkultivat wkoll biex jintuża biex issebbaħ l­-art. Sfortunatament minkejja s-­sbuħija tiegħu u l-­fatt li huwa adattat għall-­ambjent Malti għax huwa indiġenu, u ma tantx irid ilma, xejn ma hu apprezzata f’pajjiżna u mhux biss ma jintużax imma anki jinqered fejn jikber fil­-kampanja.
    Il-mentalità li ħakmet lill-bniedem, anki f’pajjiżna, tagħti valur biss lil dawk l­affarijiet li jħallas għalihom, filwaqt li dawk li jikbru jew jiġu waħedhom u jsebbħu l-­pajjiżna, bħal ngħidu aħna l­-fjuri u s-­siġar slavaġġ u l­-ilma tax-­xita, ma jtihom l-­ebda valur. Dan qed iwassal għan­-nuqqas ta’ apprezzament u qiegħed jagħmel ħafna ħsara lill-­ambjent naturali tal-­gżejjer Maltin, qerda li xi kultant issir bil-­barka uffiċjali u mħallsa minn flus il-­poplu.
    Il-­kromb il-­baħar jista’ jsebbah anki l-­ambjent urban kemm quddiem id­-djar, u anki fi rqajja’ fl-­ibliet u fl-­irħula u matul it­-toroq. Meta jitħawlu dawn jieħdu ħsieb tagħhom infushom u ma jkunux iridu wisq xogħol biex jikbru u jissaqqew. Jikbru minn sena għal sena. Il­-fatt li dawn ma jintużawx mhux biss juri n­-nuqqas ta’ apprezzament tal-­wirt naturali ta’ pajjiżna imma juri wkoll li l-­għan ewliena fix-­xogħol tat-­tisbiħ tal-­art f’pajjiżna ssir biss għall-­qliegħ tal-­flus, mingħajr ebda ħsieb ta’ edukazzjoni u ħarsien tal-­biodiversità Maltija.
     
    Isem Malti: Kromb il-Baħar
    Isem Ingliż: Sicilian Silver Ragwort
    Isem xjentifiku: Jacobaea maritima subsp. sicula = Senecio cineraria
     

    Alfred E Baldacchino
    Ikkwalifikat fl­-Ippjanar u l-­Immaniġġar tal­-Ambjent

    alfredbaldacchino.wordpress.com
    aebaldacchino@gmail.com