Kpiepel u Għarajjes – Noti mis-Sinodu (1)

    Meta dalgħodu dħalna fis-sala fejn qed jiltaqa’ s-Sinodu ntbaħt kemm kien hemm “kpiepel” differenti fid-daqs u l-kulur.  Wieħed kien jispikka mill-oħrajn għax hu biss kellu kappell “abjad”. Ma rridx inkun xagħra f’rasu għax għalkemm huwa surmast b’ħiliet kbar, quddiemu għandu battikata biex joħloq l-armonija, għax minbarra li l-orkestra hija mdaqqsa, xi kultant mhux kulħadd idoqq minn fuq l-istess karta! Jgħinu lill-Papa hemm grupp mhux ħażin ta’ rġiel libsin “kappell” kulur il-larinġa (ma nafx hux larinġ ħelu jew qares) u grupp ieħor li jxidd “kappell” aħmar!  Imma fost il-kardinali u l-isqfijiet kien hemm xi uħud li headdress tagħhom hija jew speċi ta’ kuruna jew kappun żgħir (kuslah) – dawn huma dawk li ġejjin minn Knejjes Kattoliċi Orjentali. Filwaqt li dawn kollha huma membri tas-Sinodu, hemm oħrajn libsin kappell f’forma ta’ ċilindru magħruf bħala kamilavkadawn huma rappreżentanti mill-Knejjes Ortodossi li huma mistiedna għas-Sinodu bħala osservaturi. Fl-aħħar osservajt għadd sabiħ ta’ nisa – tneħħi s-sorijiet li kienu bil-libsa reliġjuża, l-oħrajn huma nisa flimkien ma’ żwieġhom li huma mistiedna bħala udituri. Fost dawn hemm koppja bit-tarbija fil-pram! Verament vetrina ta’ varjetà interessanti ta’ “kpiepel” li tirrifletti l-firxa wiesgħa ta’ esperjenzi affettivi, soċjali, reliġjużi u ekumeniċi li ġabu magħhom dawk li qed jieħdu sehem fis-Sinodu.
    Kull kappell ifisser ras! U l-varjetà fil-kpiepel timplika varjetà fl-irjus jew aħjar fil-mod kif taħsibha persuna. Għalkemm għadna fl-ewwel ġurnata, l-ewwel interventi li saru wrew biċ-ċar li fis-Sinodu hawn “irjus” differenti. Meta wieħed iqabbel uħud mid-diskorsi li saru llum mad-diskorsi li għamel il-Papa f’dawn il-jumejn, dritt joħroġ fid-deher li mhux kulħadd liebes l-istess kappell! Anzi f’xi waqtiet kappell jaf imil lill-ieħor. Wieħed jawgura li fi spirtu ta’ djalogu matul dawn it-tliet ġimgħat dawn l-irjus joqorbu lejn xulxin għal veru ġid tal-familja u fl-aħħar meta nsibu kappell għal kulħadd, ħadd ma jibqa' b’nofs ilbies.
    Waħda milll-esperjenzi sbieħ li smajt kienet storja li rrakkonta wieħed isqof mill-Kanada. Qal li dan l-aħħar żewweġ koppja li kien ilu jakkumpanja għal dawn l-aħħar 12-il sena. F’dawn is-snin, din il-koppja kellhom sitt ulied. Lil kollha ressquhom għall-magħmudija, imma huma ma xtaqux jersqu għas-sagrament taż-żwieġ qabel ma jkunu ċerti li huma mħejjijin tajjeb, u li huma konvinti mill-pass li kienu se jieħdu. Din l-istorja tgħidli kemm għandna bżonn sabar u mħabba fil-ħidma tagħna mal-għarajjes, anke jekk qed jgħixu flimkien. Huwa fatt li ġieli nippruvaw lil koppja ngħaġġlulha l-pass biex titla' t-taraġ tal-artal anke jekk ma tkunx ippreparata sewwa. Imma dawk li jitelgħu jiġru fuq l-artal, faċli jinżlu t-taraġ tnejn tnejn.

    + Mario Grech

    Isqof t'Għawdex

    ​05/10/15