Kotba li rrid naqra

    Għal ftit minuti tgħażżint. Xgħelt it-tablet kmieni u bqajt ngħaddi ż-żmien naqra l-aħbarijiet ta’ sbiħ il-jum.

    Ninsab ġo lukanda fiċ-ċentru ta’ Dublin, l-Irlanda, u waħda mit-twieqi tal-kamra li qiegħda fit-tielet sular tħares lejn id-daħla tal-iskola primarja.

    Instema’ l-għajjat ferrieħ tat-tfal barra fit-triq. Mal-ħin, it-twerżiq żdied. Għelbitni l-kurżità. Qomt minn fejn kont. Ġbidt parti mill-purtiera tal-ħarir tat-tieqa u frixt ħarsti minn wara ġenb minnhom biex nittawwal lejn il-parapett tal-iskola. Dan kellu lqugħ tal-ħadid mill-art sa tul l-għoli tiegħu, tant li ġewwa u barra gawdew l-istess vista.

    Bosta kienu t-tfal jilagħbu u jiġru wara xulxin. Kien hemm minnhom min waddab il-basket tal-iskola fl-art f’ġenb u kien hemm min baqa’ jiġri bih imlibbes u marbut ma’ dahru. Tfal oħrajn kienu għadhom deħlin. Il-biċċa l-kbira kienu akkumpanjati minn ġenitur. Mara anzjana, liebsa bit-tagħmir tal-lollipop lady kienet qed tgħinhom jaqsmu t-triq li kienet baqgħet miftuħa għat-traffiku.

    Fil-ħin daqqet il-qanpiena. Infetaħ il-bieb u t-tfal ċkejkna dlonk waqfu. Iffurmaw numru ta’ ringieli dritti b’ordni liema bħalha u mat-tieni daqq tal-qanpiena bdew deħlin wieħed wara l-ieħor, qishom riġment. Ħadd ma lissen kelma. F’ħakka t’għajn kollox kien waqaf zoptu. Hekk kif it-tfal daħlu, bdew ħerġin il-ġenituri ’l barra, f’ġemgħat żgħar mehdijin fil-paroli.

    Għamilt żmien ngħix quddiem skola primarja, allura din id-dehra malajr fakkritni f’diversi esperjenzi sbieħ u xi wħud, koroh ukoll. Ftakart meta jien kont immur din l-istess skola tal-Gvern u ersaqt għall-eżami sekondarju. Kont daqsxejn ta’ tfajjel u l-ansjetà li kelli għadni niftakarha, għax kien l-ewwel eżami, tal-kbar, tiegħi. Ftakart ukoll li min jaf kemm-il darba għidt “iġri nikber u narmi l-bagalja tal-iskola ’l hemm”. Mur għidli li kont ser nibqa’ nġorrha tul ħajti, f’għamla tal-bagalja tat-tabib.

    L-edukazzjoni ssawwar il-bniedem u tkabbar il-kobor tas-soċjetà. Hi, flimkien ma’ saħħitna, huma l-qofol ta’ kull suċċess, sew jekk personali jew b’mod kollettiv, bħala nazzjon.

    L-edukazzjoni informattiva tiftaħlek l-orizzonti u ġġiegħlek tixtarr u tiddeċiedi filwaqt li l-edukazzjoni formattiva tagħmlek bniedem sħiħ; persuna li taf tagħder, tħobb, taħfer u taħdem qatigħ u b’ responsabbiltà għal dak li hu sew. It-tnejn f’daqqa jagħmluk  u jagħtuk identità.

    Imma bħalma dejjem jingħad, taf kemm taf, qatt mhu biżżejjed. Dejjem tikber u titgħallem.

    Dak il-jum, għalkemm kont vaganza, għażilt li mmur sa ħanut tal-kotba. Fittixt fuq Google u għażilt ħanut li kien riklamat bħala l-eqdem fil-belt. Kien jismu Winding Stairs Bookshop. Kont imxejt qajla qajla, nieħu ħini, inħares lejn il-vetrini. Mat-triq iltqajt ma’ ħwienet oħra tal-kotba, xi ftit minnhom ibigħu kotba wżati wkoll, imma la għażilt dak il-post, bqajt sejjer.

    Dublin hi rinomata għan-numru kbir ta’ ħwienet tal-kotba. Il-qari għadu popolari ħafna. Tara tfal u kbar bi ktieb f’idejhom u jaqraw bilqiegħda fil-pubbliku. F’Malta, in-namur għall-qari għeb sew. Ilkoll għaddasna rasna ġol-mowbajl.

    Ma kienx ħanut kbir. Imma d-dehra tiegħu kienet waħda tradizzjonali b’għażla varjata ta’ kotba. Fil-ħanut, il-ħin tar. Domt aktar minn sagħtejn, u aktar min-nofs il-ħin, qattajtu fuq pultruna komda, inqalleb il-paġni u  naqra siltiet minn diversi kotba.

    Waħda mill-paġni kienet taqra hekk: “Li tipprova tikteb mingħajr ma taqra hu bħal meta wieħed jitlaq għal avventura waħdu jbaħħar f’dgħajsa: affari iżolata u perikoluża. Ma taħsbux li jkun ferm aħjar, kieku tara x-xefaq miżgħud b’dgħajjes tal-qlugħ  min-naħa sa oħra, tant li jkollok ċans issellem lid-dgħajsa qribek u tapprezza s-sengħa tal-ibburdjar tal-oħrajn? B’hekk tkun tista’ tagħraf dak li jolqtok, biex xi darba int ukoll ikollok dak il-mument tad-deheb u jirnexxilek. Wara kollox, ir-riħ u l-wesgħat tal-baħar qegħdin hemm biex jesgħu lil kulħadd” – Téa Obreht.

    Dejjem għidt l-istess: meta nirtira rrid ninxteħet nikteb ktieb, b’xeħta differenti minn dak li diġà ktibt. Insomma, għandi lista t’affarijiet li nixtieq nagħmel. Din xewqa fosthom.

    Kos, iż-żmien qed jagħfas. Fadalli aktar x’naqra.