Kontinwità ta’ impunità

    F’Diċembru 2019 waqa’ l-Gvern ta’ Joseph Muscat, sforz ir-rivelazzjonijiet xokkanti fl-awli tal-Qorti Kriminali li xeħtu dawl fuq ir-rabta bejn Kastilja u l-assassinju ta’ ġurnalista u sforz protesti tal-massa mis-soċjetà ċivili.

    Niftakarni fuq il-palk qabel ma bdiet waħda minn dawk id-dimostrazzjonijiet meta smajt li Muscat kien se jirriżenja fil-qrib. Inkonxjament dak l-iżvilupp ipperċepejtu bħala aħbar ħażina, mhux għax ma ridtx li Muscat iwarrab, imma għax immaġinajt li bil-makakkerija tiegħu żgur kien se jipprova joħroġ fenek mill-kappell.

    F’dawk il-mumenti Joseph Muscat sofra telfa kbira, iżda tħalla jilgħab l-aħħar karta: jibqa’ prim ministru sakemm il-partit tiegħu jagħżel mexxej ġdid. Din il-mossa fetħet il-bieb beraħ biex Muscat seta’ juża l-mezzi kollha tiegħu biex jiżgura ruħu li s-suċċessur tiegħu jkun leali lejh.

    Hu sigriet magħruf li Muscat u l-klikka tiegħu mbuttaw lil Robert Abela fit-tiġrija għall-ħatra ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista. Ftit indunaw b’dan il-fatt meta kien qed iseħħ, speċjalment għax Robert Abela, fi stil muskatjan, kien beda l-kampanja tiegħu billi qal li kien kontra l-patt max-xitan li kien qed isir. Iżda bil-mod il-mod dawn il-manuvri qed joħorġu fil-beraħ. Joseph Muscat irnexxielu jirriċikla l-poter tiegħu billi ssellef wiċċ il-konsulent tiegħu.

    Ta’ makakk li hu, Muscat sfrutta s-sens ta’ ambizzjoni ta’ Robert Abela biex aċċerta ruħu li fejn tassew jinteressah jibqa’ jiġbed l-ispag hu. Dan wassalna sabiex illum il-ġurnata għandna Prim Ministru li la jinteressah u lanqas hu fil-qagħda politika li jagħmel dak li hu meħtieġ minnu biex pajjiżna jaqbad it-triq tas-sewwa.

    Issa li għaddew ħames xhur minn meta Robert Abela poġġa fuq is-siġġu tal-poter, nistgħu nibdew nagħmlu xi ftit konklużjonijiet. L-iktar fatt importanti f’dan ir-rigward hu li l-persuni li fuq rashom hemm allegazzjonijiet ta’ reati gravissimi għadhom igawdu l-libertà totali. Minn dak iż-żmien sal-lum, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat daru d-dinja b’dan id-dell ikrah fuqhom, mingħajr ebda xkiel.

    Meta konna għadna qed nipprotestaw bl-eluf fit-toroq, Yorgen Fenech kien diġà arrestat. Il-protesti saru għaliex kien hemm xamma kbira ta’ rabta qawwija bejn persuni f’Kastilja u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dik ix-xamma ma sparixxitx. Iżda kull min f’pajjiżna għandu obbligu li jiżgura li dawn il-persuni jkunu investigati kif jixraq u li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa fil-konfront tagħhom, baqa’ u għadu ċass. Baqgħet tirrenja l-impunità.

    Dan kollu akkwista sinifikat aktar importanti meta f’dawn l-aħħar jiem sirna nafu li fl-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat hemm tagħrif li jekk ikun żvelat ikun ifisser li l-gvern ta’ Robert Abela ma jkunx jista’ jkompli jiffunzjona. Dan hu ċertifikat li l-gvern ta’ Robert Abela hu mibni fuq nuqqas ta’ verità.

    Mill-prim ministru tiegħi, jiena nippretendi li jitbiegħed kilometri ‘l bogħod minn eks-prim ministru li ġabna f’ilsien id-dinja, li kellu rabtiet mill-qrib ma’ u daħħal f’Kastilja allegat mandant ta’ assassinju ta’ ġurnalista.

    Iżda kollox juri li Robert Abela u Joseph Muscat huma tal-istess pezza. Ma niskantax jekk ikollhom l-istess tmiem politiku.

    Dr Robert Aquilina, President-Elett, Repubblika