Konna Gvern essenzjalment tajjeb, iżda l-għemil ħażin ma ġiex irrimedjat

    Imma possibbli? Kif jista’ jkun nibqgħu niġġustifikaw il-ħażin u jkun hemm min jgħid “Imma ħares, xejn mhu ġdid… ħaddieħor hekk kien jagħmel…” Hekk qalli wieħed raġel li ltqajt miegħu fit-triq. U hekk kif kien se jkompli triqtu qalli “Mhux kemm taf imma lil min taf, tabib. Ħeqq, biex tieħu, xi ħadd irid ibill subgħajh”. Bqajt inħares lejh sakemm dar il-kantuniera. Il-konverżazzjoni kienet bdiet fuq l-aħbar tal-kont 17 Black.

    Din hi l-mentalità li jidher li qed tirrenja f’pajjiżna.

    F’temp ta’ ftit ħin ftakart dak kollu li kien għadda minni f’dawn l-aħħar snin. Ftakart li llum jien rappreżentant tal-Oppożizzjoni fi ħdan il-Partit Demokratiku għal erba’ raġunijiet: li nġib it-tmexxija f’sensiha, li tieqaf tuża l-politika partiġġjana għall-protezzjoni tagħha, biex inkisser is-sistema li ddewed il-politika fil-partiti l-kbar u biex nibni tama ta’ tiġdid għax Malta jixraqilha dak is-suċċess politiku b’saħħtu fejn ir-reputazzjoni u l-integrità jkunu dawk l-aspetti li jidentifikawha.

    Wasalt. Dħalt id-dar. Kont għadni nhewden. Qegħidt il-basket f’postu u mort fil-librerija. Ħriġt box file. Ftaħtu u qallibt xi karti li kien hemm fih.

    Kienet l-ittra ta’ riżenja indirizzata lillPrim Ministru. Kienet iġġib id-data tad-29 ta’ April 2017. Milux wisq. 

    Bdejt naqra: “….iżda jkolli nistqarr li żlaqna fin-niexef għax it-tmexxija naqset milli tkun matura. Ninnota li d-direzzjoni xi drabi kienet anti-legal. Ikolli ngħid ukoll li l-effett pożittiv ta’ kull baġit intilef f’xi metafora u ftit ftit bdejna nitilfu l-kredibiltà. Żlaqna fin-niexef. L-eżempju ma baqax ikaxkar minn fuq għal isfel u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru spiċċa jieħu aktar u aktar it-tmexxija f’idejh”.

    Ma nistax ma ninnotax li xi drabi qamu diversi suspetti li ċertu ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Prim Minstru ħadmu kontra xi wħud mill-membri tal-Gvern stess. Iddaħħlu d-double standards.

    Ħdimt qribek, esprimejt fehmti b’mod ġenwin u int smajtni, iżda ma nistax ngħid li dejjem kien hemm widen. Xtaqtlek il-ġid iżda r-razzjonal tiegħek ma stajtx nifhmu. Ġew użati paraventi biex fehmti titmewwet.

    Għext żminijiet mhux faċli wkoll, b’mod partikolari biex nirbaħ saħħti…. Il-bsaten fir-roti minn xi diriġenti u partitarji tal-Partit Laburista ma naqsux. Għamlu minn kollox biex jaħbuni mil-lenti tal-mezzi tax-xandir. Bħala persuna sofrejt fil-kwiet ta’ qalbi u ħfirt, imma bħala Whip bqajt fidil lejn ħidmieti. Ħdimt b’responsabbiltà għal dak li hu sew. Oħrajn, ħbieb Laburisti, ħeġġewni nibqa’ sod u hekk għamilt.

    Il-logħba politika tal-perċezzjoni qatt ma għoġbitni, aħseb u ara l-intriċċi tal-logħba politika, l-ipokresija u l-propoganda li tnissel nofs il-verità

    F’ċertu riformi ta’ twaqqif ta’ awtoritajiet stennejt li l-politiku m’għandux jibqa’ ċ-ċentru ta’ kollox iżda kellu jitbiegħed. Dan ma seħħx. Kollox donnu jrid jibqa’ taħt kontroll. Wegħdiet oħra tal-manifest li jiggarantixxu tmexxija b’kontabbiltà jew bi standards damu ma tressqu.

    Konna Gvern essenzjalment tajjeb, iżda l-għemil ħażin li ma ġiex irrimedjat f’waqtu ħalla riperkussjonijiet li tefgħuna wiċċna mal-ħajt. Tlifna l-fibra morali. Ma rnexxilniex ngħaqqdu poplu wieħed. Il-poplu aktar ħieles spiċċa għatxan għall-verità. Wasalna f’punt li qed nagħtu isem ħażin lil Malta tagħna, barra minn xtutna.

    Tal-anqas id-diċenza titlob li min għandu dell ta’ allegazzjonijiet fuqu jiġi sospiż mill-kariga li wara kollox iġġorr poter. Lill-ħaddiema taċ-ċivil hekk isirilhom. Aħseb u ara min hu parti mill-eżekuttiv fejn l-andament ta’ investigazzjoni jista’ jinfluwenza waqt id-deċiżjonijiet li jittieħdu madwar il-mejda tal-kabinett.

    Il-poter tal-politika faċli appsek. Trid tkun sur li tgħożż il-valuri biex ma tiddakkarx. 

    L-eżempju jkaxkar. Il-Prim Ministru qed jonqos meta mhux qed jieħu azzjoni f’waqtha. Din qed tirrifletti f’għemil ħażin li niltaqgħu miegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

    Flimkien, nistgħu nsaħħu pajjiżna.