Komplu hekk tal-NGO Repubblika għax qed iżżidu l-appoġġ lill-Partit Laburista!

     

    Bħalissa f’pajjiżna hawn grupp żgħir ta’ nies membri tal-NGO “Repubblika” li dawn ma jirrapreżentaw lil ħadd ħlief lilhom infushom. Però, jippretendu li l-Gvern Laburista, elett b’maġġoranza massiċċa ta’ voti, jimxi skont dak li jiddettaw u li jidhrilhom huma. Dawn nies li għandhom ħaġa waħda komuni bejniethom u li tgħaqqadhom: antagoniżmu lejn dak kollu konness mal-Partit Laburista. Tant hu hekk li fil-kitbiet tiegħi jien dejjem nirreferi għal “Repubblika” bħala l-NGO anti-Laburista.

    Tant huwa ċar il-partiġġjaniżmu sfrenat tal-membri ta’ “Repubblika” li saħansitra anke ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar kif se jibdew jinħatru l-membri tal-ġudikatura tahom fastidju u ppreżentaw protest ġudizzjarju l-Qorti relatat ma’ dan il-każ. Ta’ min isemmi wkoll l-attakk li sar fuq membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn l-NGO “Repubblika” talbet lill-pulizija biex tinvestiga allegazzjonijiet dwar l-aġir kundannabbli ta’ numru ta’ suldati fil-konfront ta’ grupp ta’ migranti fuq il-baħar, biex imbagħad wara qalet li rċeviet informazzjoni li tikkuntrarja dawn l-istess allegazzjonijiet! – Dik serjetà! – Dak sens ta’ responsabbiltà! – Sa fejn naf jien min hu serju l-ewwel jikkonferma li l-informazzjoni li għandu tkun mija fil-mija vera qabel jaġixxi fuq xi allegazzjoni daqshekk serja.

    L-NGO “Repubblika” issa tilfet kull kredibbiltà għax il-fatt li għal kull ħaġa ta’ xejn tattakka lill-Gvern Laburista qed juri biċ-ċar li l-ewwel għan tagħha huwa li timmina lill-Gvern. Mhix sorpriża għaliex kulħadd jaf li din l-NGO hija magħmula minn fazzjoni ta’ Nazzjonalisti li huma miksura anke mal-partit tagħhom stess għaliex ma jarawx għajn m’ għajn mal-Kap, Dr Adrian Delia.

    Għalhekk, lill-membri kollha ta’ “Repubblika” ngħidilhom: “iktar ma tostakolaw, iktar tressqu nies lejn il-Partit Laburista. In-nies koperazzjoni bejn il-partiti politiċi fl-interess nazzjonali jridu, jiġifieri li minkejja d-differenzi ta’ opinjoni politika, naħdmu flimkien għall-ġid ta’ pajjiżna.

    Għandkom dritt għall-libertà tal-espressjoni, għandkom dritt tipprotestaw kontra l-Gvern Laburista, imma tridu tkunu ġusti u mhux partiġġjani għax inkella kulħadd iwarrabkom, kif diġà qed jiġri”.