Kliem għall-allat u kliem għall-annimali

    Meta Daphne skopriet il-Panama, Varist skopra Ruma. Le, ma ġabx ruħu ta’ gladjatur u ma rħelhiex lejn Kastilja liebes il-ħadid minn rasu sa saqajh biex ikaxkar lil Muscat u l-bella compania tal-kumpaniji ’l barra. Lanqas ma ġab ruħu ta’ ċenturjun u m’għaqqad ebda mitt suldat tal-azzar biex titlaqqa’ l-konferenza ġenerali tal-partit u jitla’ fuq il-palk jixli lil Ċesri.

    L-uniku ħaġa li Varist ikkopja mir-Rumani kienet l-idjoma ‘liġi għall-allat u liġi għall-annimali’. Qalhielna b’dak il-wiċċ innoċenti ta’ ħaruf lest għall-qatla u mbagħad għamel bħal kull ġifa ieħor li l-istorja mesħet l-art bih u mar jistaħba wara d-dublett tal-poter.

    Iż-żiemel tal-imperatur

    Biex ngħidu kollox, kultant qabel jisbaħ, Varist kien ifaqqa’ ftit daqqiet b’subgħajh fuq il-keyboard tal-laptop biex, permezz tal-Facebook, jurina li għadu jferfer. Ftit kienu jifhmu x’kien ikun qed jgħid, għal min kien ikun qed jgħid u x’kien ikun irid eżatt li jiġri.

    Min dak il-ħin ikun għadu jonħor u jitqalleb f’soddtu kien jissuspetta li l-kitbiet ta’ Varist huma riżultat ta’ xi ħmar il-lejl. Oħrajn li jafuh ftit aktar jaħilfu li dak il-ħin kien ikun qed iħares lura b’nostalġija lejn żmienu fil-gazzetti meta kien jikteb xi ħaġa moħġaġa bi premju.

    Fuq x’għamel Varist fil-Parlament m’hemmx wisq xi tgħid għax m’għamel assolutament xejn. Is-senatur Ruman Incitatus – li ma kien ħadd ħlief iż-żiemel tal-imperatur Caligula – probabbli nstema’ jiżgħer fis-Senat Ruman iktar minn kemm instemgħu jieħdu nifsijiet Varist u sħabu ż-żwiemel Muscattjani fil-Parlament Malti meta xi ħadd kien jazzarda jitlob vot dwar l-oxxenitajiet li konna qed insiru nafu bihom.

    Skopra l-Ġermanja

    Dil-ġimgħa Varist skopra l-Ġermanja. Tim Sebastian mhux saċerdot u l-kamra fejn intramaw il-kameras tad-Deutsche Welle ma jixbħu lill-ebda konfessinarju li huma mogħnija bih is-santwarji Maltin. Imma Varist f’daqqa waħda ħassu jaqa’ minn fuq iż-żiemel u bl-Ingliż, biex tifhmu d-dinja kollha, għamel qrara ġenerali.

    Prattikament qal dak li ilu jgħid kull min iġġieled lill-Gvern li Varist kien u għadu parti minnu f’dawn l-aħħar erba’ snin. Fis-sustanza, Varist ammetta li hu u l-partit tiegħu kienu fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja u li aħna, li konna qed nipprotestaw waqt li niġu mgħajra u mżebilħa mill-magni kollha tal-Gvern u tal-partit tiegħu, kellna raġun.

    Hawn Malta lil Varist qatt ma smajtu jgħid dan id-diskors. Dak li qal lil Tim Sebastian bl-Ingliż qatt ma smajtu jgħidu lil Karl Stagno Navarra bil-Malti.

    Qisu għal Varist hemm kliem għall-allat u kliem għall-annimali.

    Dr Robert Aquilina huwa l-President Elett ta’ Repubblika