Kif u meta qabad it-triq tan-niżla l-PN?

    Ħafna Maltin illum jinsabu mbellħa jaraw kif partit politiku li fil-bidu tal-Millenju kien tant b’saħħtu, issa spiċċa kważi rrelevanti fix-xena politika. Partit maqsum li, ftit ftit, riesaq lejn telfa elettorali memorabbli fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

    Bħala bniedem li kont ngħallem l-istorja u anke ppubblikajt numru ta’ xogħlijiet f’dan il-qasam, ħassejt li tkun interessanti li wieħed jiddiskuti x’wassal biex il-Partit Nazzjonalista jinsab fis-sitwazzjoni li jsib ruħu fiha llum. Jekk immorru lura fl-istorja, insibu li fl-ewwel snin tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kien it-tarka tal-Maltin kontra l-eċċessi tal-kolonjaliżmu Brittaniku. Kellu Kapijiet ta’ kalibru kbir bħal Enrico Mizzi, iben il-patrijott Malti Fortunato Mizzi, u Sir Ugo P. Mifsud. Dan tal-aħħar saħansitra miet jiddefendi fl-Assemblea Leġiżlattiva lil dawk il-Maltin li fl-1942 kienu deportati lejn l-Uganda.

    Imbagħad, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Partit Nazzjonalista kien minn ta’ quddiem fil-ġlieda għall-Indipendenza. Nistgħu ngħidu li laħaq il-quċċata tal-fama tiegħu dakinhar tal-21 ta’ Settembru, 1964 meta Malta kisbet l-Indipendenza tagħha. Ġorġ Borġ Olivier kien mexxej ta’ fama internazzjonali u kien igawdi rispett enormi fil-Gżejjer Maltin. Duminku Mintoff, l-akbar avversarju politiku tiegħu, kellu rispett kbir lejh minkejja li tista’ tgħid li ma kienu jaqblu fuq kważi xejn.

    Mill-1971 sal-1987, il-Partit Nazzjonalista kien jippreżenta ruħu bħala l-paladin tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Wara l-1977, spikka Dr Edward (“Eddie”) Fenech Adami. Dan oppona b’mod vigoruż ċerti eċċessi politiċi li saru f’dawk iż-żminijiet u kiseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Maltin biex fl-1987 wassal lill-PN għal rebħa elettorali li ratu jerġa’ jikseb id-dritt biex imexxi lill-pajjiż.

    Is-snin disgħin u l-ewwel snin tal-Millenju kienu s-snin tal-kampanja favur sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, kawża xxprunata mill-Partit Nazzjonalista u li kisbet l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Maltin. Ir-rebħa elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-2003 wasslet biex Malta saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju tal-2004. U kien propju hawn li beda jberraq għall-Partit Nazzjonalista. Għax wara l-kisba tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-PN li kien minn dejjem il-partit politiku li jaħdem favur kawżi kbar, issa spiċċa fi kriżi ta’ identità. Wara li kiseb dan kollu, għal xiex kien se jaħdem issa l-PN? – Donnu din it-tweġiba qatt ma ġiet imwieġba sal-ġurnata tal-lum. Għal xiex qiegħed hemm il-PN? – X’jirrapreżenta?

    Għal ftit tas-snin wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jirkeb fuq dan is-suċċess biex jibqa’ jsostni ruħu fil-poter. Bis-saħħa ta’ dan, il-Kap ta’ wara Fenech Adami, Dr Lawrence Gonzi, rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 bi sbrixx. Iżda din kienet rebħa sfurzata li numru ta’ Nazzjonalisti llum jirraġunaw li kien ikun aħjar kieku l-PN tilef dakinhar. Dan għaliex il-Gvern Nazzjonalista ta’ bejn l-2008 u l-2013 kien wieħed dgħajjef u donnu bla direzzjoni li wasal biex tilef il-poter meta kellu jiffaċċja l-oppożizzjoni qawwija ta’ dissident fi ħdanu stess, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Dr Franco Debono.

    Meta warrab Dr Lawrence Gonzi u floku laħaq Dr Simon Busuttil, nistgħu ngħidu li l-Partit Nazzjonalista qabad ir-rankatura għan-niżla. Busuttil ibbaża ħafna mill-politika tiegħu fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u aċċenn fuq il-governanza tajba. Fejn żbalja kien fil-fatt li qatt ma fehem li dawn ma kinux biżżejjed biex bihom jikseb rebħa elettorali. Illum meta wieħed iħares lura, ikollu jammetti li Dr Busuttil kellu raġun dwar ħafna affarijiet li qal dak iż-żmien. Madankollu, jidher ċar li l-maġġoranza tal-poplu ftit tinteressaha l-kawża tal-governanza tajba u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni u wisq aktar tinteressaha kif se jkollha aktar flus fil-but. Għalhekk, forsi ftit kienet sorpriża li fl-2017, il-Partit Nazzjonalista qala’ tkaxkira kbira elettorali oħra.

    Issa r-rankatura lejn il-qiegħ għall-Partit Nazzjonalista kompliet b’mod mgħaġġel ħafna. Meta warrab Simon Busuttil u floku laħaq Dr Adrian Delia, inqalgħu l-irwiefen kollha. Dan għar-raġuni li dwar Dr Delia kien hemm ċerti allegazzjonijiet li wasslu biex numru ta’ Nazzjonalisti ma qablux dwar il-ħatra tiegħu bħala Kap tal-PN u ħarġu mill-Partit. L-assassinju tal-blogger u ġurnalista, Daphne Caruana Galizia, kompla jikkomplika sitwazzjoni diġà volatili. Dan għaliex, wara li kkritikatu, Dr Delia kien huwa wkoll ikkritika lura lil Caruana Galizia u sejħilha “biċċa blogger” u hekk ġab kontrih lil numru ta’ Nazzjonalisti estremi li kienu segwaċi tagħha.

    Barra minn hekk, Dr Delia wiegħed “New Way” li baqgħet qatt ma saret realtà. Ħafna Nazzjonalisti għadhom sal-lum jistaqsu x’sar minnha din il-famuża “New Way”. Għalfejn qiegħed hemm il-Partit Nazzjonalista? – Għandu kawża li għaliha jeżisti? Dan kollu qed jiġi mistoqsi wkoll fl-isfond tal-ħafna kontroversji li bihom baqa’ mdawwar Dr Adrian Delia. Kwistjonijiet dwar ħlas ta’ taxxa, attakki tal-mistħija ta’ natura personali fuqu, u dan l-aħħar, kontroversja dwar il-kuntatti tiegħu mal-bniedem allegatament involut mill-qrib fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

    Minħabba dawn ir-raġunijiet u marbuta wkoll mal-fatt li l-Partit Laburista fil-gvern kiseb suċċess wara l-ieħor, inkluż fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali fl-2019, u baqa’ dejjem iżid fil-popolarità filwaqt li Dr Delia baqa’ dejjem fjakk fl-appoġġ tiegħu fost il-poplu, inħoloq grupp ta’ Deputati Nazzjonalisti ribelli kontra t-tmexxija ta’ Dr Delia. Meta Dr Delia spiċċa sfiduċjat minn maġġoranza tad-Deputati Parlamentari tiegħu stess, il-Partit Nazzjonalista spiċċa f’abbiss li forsi qatt ma niżel daqshekk fil-fond fih kemm ilu mwaqqaf.

    Għad jista’ jirkupra l-PN? – Nistennew u naraw.