Kif tkun Malta taħt Gvern Nazzjonalista ġdid? – Ħa ngħidilkom

    Is-sena hija 2022. F’Malta saret l-elezzjoni ġenerali u kontra kull previżjoni l-Partit Laburista ġab inqas voti mill-Partit Nazzjonalista. Dr Joseph Muscat ħalla Kastilja u Dr Adrian Delia daħal floku bħala l-Prim Ministru ta’ Malta. Tħabbar il-Kabinett il-ġdid tal-Ministri u Segretarji Parlamentari.

    Beda għaddej iż-żmien u fit-tradizzjoni tal-PN fil-gvern, ċerti proġetti li taħt gvern Laburista kienu jimxu b’ritmu mgħaġġel issa tkomplew b’pass ta’ fekruna. L-hekk-imsejħa gruppi tas-soċjetà ċivili issa waqfu jikkritikaw lill-gvern. Mhux hekk biss imma issa saħansitra bdew joħorġu stqarrijiet li japprovaw ċerti miżuri meħuda mill-gvern Nazzjonalista.

    Kollox kwiet fuq il-front ta’ Brussell u Strasburgu. Sven Giegold, Pieter Omtzigt u l-“bella compagnia” waqgħu fil-muta fejn tidħol Malta. L-MEPs Nazzjonalisti l-ħin kollu jfaħħru l-gvern Malti. Diskors bħal “korruzzjoni”, “crooks”, eċċ., sparixxa mid-diskors pubbliku mil-lum għal għada.

    Sadanittant, ħafna minn dawk li kienu minn ta’ quddiem fil-protesti kontra l-Gvern Laburista ta’ Dr Joseph Muscat issa mxew ’il quddiem. Min tawh impjieg tajjeb f’Ministeru, min ħa promozzjoni, min tawh konsulenza ma’ xi Ministru, eċċ. Issa spiċċalhom l-interess fis-saltna tad-dritt, fid-demokrazija u l-ħeġġa għall-ħarsien tal-ambjent.

    Diġà beda jberraq. Ċerti miżuri soċjali li kien introduċa l-Gvern Laburista ta’ Dr Joseph Muscat se jitnaqqsu jew anke jitneħħew. Għax hekk titlob is-sitwazzjoni preżenti, qal kelliem għall-Gvern Nazzjonalista ta’ Dr Adrian Delia. Fil-qasam ambjentali, l-iżvilupp bla rażan mhux biss ma naqasx imma żdied. Imma issa ħadd ma jinżel fit-toroq jipprotesta, tidher xi ittra ‘l hawn u ‘l hemm fil-ġurnali u dak kollox.

    L-elitisti issa wkoll qed jippreparaw biex ifasslu l-qafas li fuqu tinbena l-Malta ta’ għada. L-ugwaljanza għandha l-limiti, hemm bżonn titrażżan il-mewġa liberali favur l-ugwaljanza ta’ żmien Dr Joseph Muscat. Ċerti nies hemm bżonn ikunu jafu x’inhu posthom fis-soċjetà.

    Hawn xi ħadd irid li niġu f’din is-sitwazzjoni tal-biża’?

    Ieqfu u rriflettu.