Kif taħseb li se tkun Malta wara l-coronavirus?

    Bandiera-Maltija

    It-turiżmu mejjet, in-negozji qed imajnaw, l-edukazzjoni mxekkla, l-isport wieqaf, l-interazzjoni soċjali evitata. Dan kollu se jħalli impatt kbir fuq il-ġejjieni tagħna bħala ċittadini Maltin. Hija xi ħaġa ċerta li d-danni li qed insofru bħalissa se ndumu ftit ta’ żmien sew biex nirkupraw minnhom. Madankollu, jiena ninsab ċert li l-poplu Malti se jerġa’ juri, bħalma wera fil-passat, li kapaċi jilqa’ għal kull hemm li jista’ jiġi fuqu u mhux hekk biss, imma wara ammont ta’ żmien joħroġ mill-burraxka aktar qawwi milli kien qabel.

    Fil-passat kellna diversi ġrajja li qallbu l-ħajja tal-Maltin u Għawdxin. Fosthom wieħed jista’ jsemmi l-Assedju l-Kbir tal-1565, l-Influwenza Asjatika tal-1899-90, l-Influwenza Spanjola tal-1917-19, it-Tieni Gwerra Dinjija tal-1939-45, l-Influwenza Asjatika tal-1957-58, u l-Influwenza tal-Hong Kong tal-1968-69. Dejjem, però, il-poplu Malti rkupra tajjeb mill-burraxki li ffaċċja u ħareġ minnhom aktar b’saħħtu minn qabel.

    “Kull deni ħudu b’ġid” jgħid il-qawl Malti. Hekk hu, għaliex anke l-miġja tal-Coronavirus qed toħroġ l-aħjar mill-poplu Malti. Qed naraw is-servizzi tas-saħħa joperaw b’suċċess; qed naraw is-solidarjetà tal-Maltin lejn ħuthom fil-bżonn tal-għajnuna; qed naraw ċertu serjetà fir-rappurtaġġ mill-maġġoranza tal-media f’Malta; qed naraw l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet ekkleżjastiċi jagħtu sehemhom fil-ġlieda kontra l-Coronavirus; eċċ.

    Qed naqilgħu daqqa ta’ ħarta bħala poplu imma nirkupraw u noħorġu minnha aktar qawwija! – Naturalment, dejjem jekk nibqgħu niġbdu ħabel wieħed, magħqudin flimkien.