Kif se nnaddfu l-politika f’Malta?

    Naħseb li bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni fejn numru kbir ta’ nies serji u ta’ rieda tajba jinsabu diżgustati bl-andament tal-politika f’Malta. Fuq naħa għandek partit fil-gvern, immexxi minn Dr Robert Abela, li qed jikseb suċċess wara l-ieħor imma li hu mxekkel minn dak li sar meta Dr Joseph Muscat kien Prim Ministru ta’ Malta. Allegazzjonijiet kontinwi ta’ korruzzjoni kbira, inkjesti maġisterjali, nies prominenti taħt investigazzjoni, eċċ.

    Min-naħa l-oħra għandek partit (jekk għad tista’ ssejjaħlu hekk) fl-Oppożizzjoni fejn il-Kap tiegħu, Dr Adrian Delia, huwa l-vittma ta’ dik li hi forsi l-iktar kampanja maħmuġa kontra politiku li qatt saret fl-istorja ta’ Malta. Ribelljoni ta’ Deputati Parlamentari li nsew xi tfisser il-kelma “lealtà” u li lanqas biss jirrispettaw lit-tesserati tal-partit tagħhom stess. Is-sitwazzjoni hija komplikata u dan minħabba l-fatt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista stess huwa mgħobbi b’numru ta’ dellijiet dwar l-aġir tiegħu u li minħabba f’hekk xi Nazzjonalisti mhumiex kuntenti bih.

    F’pajjiżna għandna wkoll il-problema relattivament riċenti tas-social media. Illum, kull membru tal-pubbliku jħossu komdu li jikkummenta fuq materji politiċi li ġieli ma jkun jifhem xejn fihom. Agħar minn hekk, jekk tikteb xi ħaġa li lil dak li jkun ma ddoqqlux, erħilu joffendik u jipprova jpinġik bħala li ma tinqala’ għal xejn biex hekk mingħalih li jkun qed jirredikolak, meta fil-fatt ikun qed juri biss kemm hu pastaż u bla edukazzjoni. Sfortunatament, dan l-aħħar erġajna wkoll qed naraw ċertu klassiżmu jgħolli rasu. Għandek grupp żgħir ta’ Nazzjonalisti li reġgħu bdew bit-tikketti tal-Laburisti fejn ipinġuhom bħala nies illitterati, ħamalli u stupidi. Ħafna drabi taqra jew tisma’ xi kumment bħal: “X’tistenna minn Laburist?”

    Naħseb li l-unika tama għal politika aħjar f’Malta, politika li tkun ibbażata fuq il-valuri etiċi u morali, tinsab f’idejn żgħażagħ idealistiċi li jħaddnu valuri pożittivi u li jħarsu lejn il-politika bħala servizz għall-oħrajn u li lesti jidħlu fil-ħajja politika li bħalissa nxebbagħha ma’ arena tat-tigri u l-iljuni. Nifhem li diffiċli għax naħseb li ħafna minn dawn iż-żgħażagħ jaqtgħu qalbhom meta jaraw l-abbiss li fih waqgħet il-politika Maltija ta’ żmienna. Madankollu, xorta waħda nistedinhom jagħmlu dan il-pass, forsi xi darba mhux fil-ġejjieni wisq imbiegħed naraw il-politika Maltija mnaddfa mill-ħafna elementi negattivi li jimmilitaw fiha bħalissa u mill-idea tant ħażina u qarrieqa li l-iktar importanti fil-politika huwa li wieħed ikollu l-poter personali.