“Kif se jivvotaw ta’ Busuttil u ta’ Daphne?”

    Kulħadd jaf li l-klikka ta’ Simon Busuttil u s-segwaċi ta’ Daphne Caruana Galizia qatt ma kienu kuntenti bl-għażla ta’ Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hemm minnhom li saħansitra telqu mill-Partit tant kemm ma setgħux iġerrħu l-fatt li l-Partit Nazzjonalista issa beda jitmexxa minn Delia.

    Kulħadd jaf ukoll li hemm min lest jagħmel minn kollox biex iġiegħel lil Adrian Delia jitlaq minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Għalhekk, issa propju huwa l-waqt biex dawn in-nies jagħtu dik li tista’ tkun id-daqqa tal-mewt lit-tmexxija ta’ Adrian Delia. L-eqqel kritiċi ta’ Delia jafu li jekk fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista jsofri xi telfa katastrofika, ikun diffiċli ħafna għal Adrian Delia li jibqa’ fit-tmun tal-Partit.

    Delia dejjem qal li t-tir aħħari tiegħu hija l-elezzjoni ġenerali li jmiss imma jien nemmen li xorta jkun kważi impossibbli li huwa jibqa’ jmexxi lill-PN jekk fil-25 ta’ Mejju li ġej, il-Partit Nazzjonalista jiġi umiljat. Il-gruppi kontra Delia jafu wkoll li dawn li ġejjin mhumiex elezzjonijiet li jiddeċiedu min se jmexxi l-pajjiż, għalhekk jistgħu jirraġunaw li jekk ma jivvotawx jew iħassru l-vot, ikunu qed jieħdu deċiżjoni iebsa u diffiċli imma li tkun fl-aħjar interessi tal-Partit Nazzjonalista.

    Għalhekk, nażżarda nipprevedi li dawk li jridu jwarrbu lil Adrian Delia,  nhar il-25 ta’ Mejju jew ma jmorru jivvotaw xejn jew iħassru l-vot. Dan hu ċ-ċans tagħhom u mhux se jkollhom ċans ieħor bħalu, mela jridu jaġixxu issa. U jagħmel x’jagħmel Dr Adrian Delia, żgur li ma jista’ jagħmel xejn biex iwaqqafhom, għax rajna b’għajnejna li l-klikka ta’ Simon Busuttil kif ukoll is-segwaċi ta’ Daphne Caruana Galizia mhumiex lesti jilħqu ftehim fit-tul miegħu u jaċċettawh bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

    Il-mistoqsija fuq fomm kulħadd hija: “Kemm se jdum Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia wara li jitħabbru r-riżultati tal-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali?”