Kif nieħdu ħsieb saħħitna fis-Sajf

    Hekk kif jibdew joqorbu x-xhur tas-Sajf, nieħdu nifs kbir għax il-ġranet jitwalu, insibu aktar ħin għad-divertiment u speċjalment għat-tfal jaslu ukoll il-vaganzi. Perjodu mistenni ħafna minnhom wara x-xogħol li jkunu għamlu fix-xhur kiesħa tax-Xitwa u l-eżamijiet li jtemmu s-sena skolastika.
    Imma jekk ma nieħdux ċerti prekawzjonijiet, il-gost tas-Sajf jista jġib miegħu diffikultajiet partikulari. U la qed ngħidu li nistgħu nieħdu l-prekawzjonijiet iffisser li dawn il-problemi jew diffikultajiet jistgħu jkunu evitati.
    Is-Sajf ma jkunx Sajf jekk ma jkollniex ix-xemx; u waqt li x-xemx hija xi ħaġa sabiħa u f’dożi żgħar tagħtina saħħitna, jekk ma noqgħodux attenti tista ukoll tkun problema. Waqt is-siegħat bejn -il ħdax ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ wara nofs in-nhar, ix-xemx tkun fl-aqwa tagħha u tagħmel ħafna ħsara lil-ġilda jekk noqgħodu esposti għaliha. F’dawn is-siegħat huwa aktar għaqli li nistkennu mir-raġġi tax-xemx filwaqt li naraw li l-ħin kollu li nkunu esposti għax-xemx nidilku l-ġilda tagħna bi kremi protettivi. Trid tkun mill-inqas b’SPF (sun protection factor)  30. Importanti ukoll li nilbsu kappell f’rasna li jkun jgħatti l-għonq ukoll u speċjalment lit-tfal naraw li jkollhom ħwejjeġ tat-tajjar sabiex tkun tista tgħaddi l-arja. Trabi żgħar mhux posthom ħdejn il-baħar fix-xemx fis-siegħat meta x-xemx tkun qawwija. Ix-xemx kapaċi taħraq il-ġilda u tagħmel ħafna ħsara. Biss jekk ma narawx il-ħruq, jista jkun li ma nindunawx li qed tiġrilna l-ħsara imma l-effetti tar-raġġi tax-xemx mhux issa biss inħossuhom imma aktar il-quddiem f’ħajjitna fejn ħruq antik jista jwassal għal kumplikazzjonijiet koroh bħall-kanċer tal-ġilda.
    Nixfa
    Il-biċċa l-kbira minnha ma nixorbux biżżejjed ilma matul il-ġurnata imma fis-Sajf ikollna bżonn ħafna aktar ilma minn żminijiet oħra. Importanti li nixorbu mill-inqas tmien tazzi ilma kuljum u jekk inkunu qed nitħabtu irridu nixorbu aktar. Kull min hu responsabbli mit-tfal irid jara li qed jixorbu biżżejjed ilma għax jekk il-ġisem ikun nieqes mill-ilma, dan ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-persuna. Aħjar ma tieħux ikel imma l-ilma ma tistax tgħaddi mingħajru. L-enfasi hija fuq l-ilma għax dan huwa l-aħjar xorb sabiex inżommu l-ġisem b’saħħtu. Xorb ieħor jista jkun imgħobbi biz-zokkor jew affarijiet oħra li ma jagħmlux daqshekk ġid lill-ġisem.
    Raxx tas-sħana
    Ir-raxx tas-sħana ismu miegħu: dan jirriżulta meta, f’ambjent sħun ħafna u umduż, l-glandoli tal-għaraq jimblukkaw b’ċelloli qodma li jwaqqa l-ġisem stess u jimblokka l-glandoli ta’ l-għaraq. Imbagħad ħwejjeġ issikkati jew ta’ materjal sintetiku ma jgħinux u l-parti effettwata tiħmar u jkollok il-ħakk. Għas-Sajf l-aħjar ħwejjeġ huma dawk magħmula mit-tajjar u jkunu ukoll ħfief u mlaħalħin (mhux issikkati). Dawn it-tip ta’ ħwejjeġ iħallu l-ġilda tieħu n-nifs u ma jissikawx il-ġisem. Itlaq mix-xemx jekk tara xi raxx jiżviluppa, neħħi l-ħwejjeġ u ħalli l-parti tinxef b’mod naturali u uża krema li nużaw jekk jigdmek xi nsett fuq il-parti fejn qed joħroġ ir-raxx.
    Athlete’s foot
    Din hija infezzjoni li tiżviluppa f’postijiet sħan u umdużi tal-ġisem. Il-mikrobu huwa fungus u faċli ssibha fi żraben magħluqin. Iżda jkun għar speċjalment jekk ikun hemm xi plastik għax dan iżomm ir-riġlejn aktar umdi u l-mikrobi jiffjorixxu. Niftakru li din l-infezzjoni titieħet u għalhekk importanti li nieħdu dawk il-prekawzjonijiet kollha neċċessarji. Importanti li meta ninħaslu, nixxottaw saqajna sew speċjalment bejn is-swaba. Jekk matul il-ġurnata, l-kalzetti jixxarbu bl-għaraq ara li tibdilhom u tilbes kalzetti ndaf. Kalzetti li jkun ixxarbu bl-għaraq iridu jinħaslu qabel ma jerġgħu jintlibsu. Ftit terra ta’ mingħajr fwieħa bejn is-swaba tgħin ħafna imma jekk ikun hemm infezzjoni aktarx it-tabib jew l-ispiżjar jordnalek trab immedikat apposta għal din l-kundizzjoni.
    Gdim tan-nemus
    Is-sajf u l-umdita huma idejali għan-nemus, imbagħad peress li noqgħodu aktar barra ċ-ċans li ningidmu huwa aktar. Jekk ikun hemm ilma qiegħed, jiġi aktar in-nemus u nsetti oħra. Għandna prodotti apposta sabiex ma tħalliex lin-nemus jersaq u jigdem imma jekk taqla xi gidma, ssib ukoll krema apposta. Minnbarra li tnaqqas il-ħakk, dil-krema tinnewtralizza s-sustanza li tkun tefgħet in-nemusa. Aktarx ikun fiha l-aloe vera u għalhekk tikkalma lil dik il-parti effettwata.
    Fejn ikollna diffikulta dejjem għandna nfittxu parir ta’ tabib jew professjonisti oħra ħalli kemm jista jkun is-Sajf ingawduħ mingħajr inkwiet. Nawgura lil kulħadd is-Sajf it-tajjeb u ta’ mistrieħ.

    Sina Bugeja