Kemm jonqos il-coronavirus jekk taħsel idejk

    Naħseb li hemm żewġ raġunijiet prinċipali għaliex in-nies isibuha diffiċli jobdu l-pariri biex ma joħorġux bla bżonn, ma jinġabrux fi gruppi kbar u jaħslu jdejhom biex niġġieldu kontra l-firxa ta’ COVID-19.

    Waħda hi realistika: dawn il-miżuri jweġġgħu l-attività ekonomika ta’ stabbilimenti kbar u żgħar u jipperikolaw il-provvista ta’ servizzi essenzjali lill-komunitajiet. Imma jekk il-COVID-19 tinfirex, dawn, u setturi oħra tas-soċjetà se jbatu iżjed. Imma raġuni oħra naħseb li hi li dawn il-pariri jinstemgħu qishom pariri li kienu jagħtuna n-nanniet: aħsel idejk sew, wara x-xogħol ibqa’ sejjer dritt id-dar, tmurx parties jew laqgħat b’ħafna nies. Dawn x’sens jagħmlu meta x-xjenza llum toffrilna it-trapjant tal-organi, tfejjaq mard bħall-kanċer, iġġib lura minn ħalq il-mewt xi ħadd li jidħol imkisser l-emerġenza wara inċident tat-traffiku?

    Imma dawn il-pariri, fin-nuqqas ta’ vaċċin jew kura għal dan il-virus huma bbażati fuq xjenza differenti mix-xjenza medika, din hija x-xjenza tan-numri, li kulħadd jista’ jivverifikha b’naqra ta’ calculator.

    Jidher li f’ħafna pajjiżi l-każijiet ta’ morda b’COVID-19 qed jiżdiedu b’rata bejn wieħed u ieħor ta’ xi 15%, jiġifieri llum il-każijiet jiżdiedu bi 15% ta’ x’kienu lbieraħ. Ejja nieħdu din ir-rata bħala eżempju. Jekk f’jum wieħed ikollna l-ewwel każ, wara għaxart ijiem ikollna xi erba’ każijiet. U wara xahar ikollna 66 każ. Numri mhux tal-biża’ wisq, hux?

    Imma b’din l-istess rata, wara xahrejn ikollna aktar minn 4,300. Jekk 10% biss minn dawn ikollhom bżonn jittieħdu l-isptar, in-numru jitla’ għal aktar minn 400 pazjent. Probabbilment aktar milli l-isptar jiflaħ minkejja t-tmexxija tajba li jidher li hemm mill-uffiċjali u tobba involuti.

    Imma, jekk bil-pariri li wħud iqisu bħala “tan-nanniet” innaqqsu r-rata tal-imxijja għal 10%, sa xahrejn mill-ewwel każ minflok 4,300 ikollna ftit aktar minn 300 każ li 30 minnhom jispiċċaw l-isptar. Differenza kbira ħafna tant li issa l-isptar żgur ikun jista’ jlaħħaq magħhom u jagħtihom l-aqwa kura mingħajr paniku u biża’ li l-virus jinfirex fost pazjenti oħra.

    Għalhekk, għandna nisimgħu mill-pariri li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħtuna. Dawn mhux biss huma l-uniċi armi li għandna, imma huma armi effiċjenti.

    Prof. Josef Lauri huwa professur tal-matematika fl-Università ta’ Malta