Kemm-il Franco għandna?

    Jekk mit-titlu u mir-ritratt daħħalt f’moħħok li se taqra’ blogg dwar Franco Debono, tista’ tieqaf hawn. Numru kbir ta’ partitarji Nazzjonalisti jaqbadhom ħafna ħakk malli jisimgħu jew jaqraw ismu u żgur ma rridx inkun jien il-kawża ta’ aktar tqattiegħ u grif fuq ġisimhom.
    Din l-antipatija lejn Debono mhix ġejja mill-argumenti li kien jagħmel meta kien Deputat tal-PN. Indipendentament minn jekk u kemm kellu raġun fuq ċertu kwistjonijiet, kienet l-imġiba tiegħu li rrabjat lil bosta partitarji, l-aktar lil dawk li kienu vvotawlu.
    Għax fil-politika, bħal fil-ħajja, ma tistax tgħaddi dejjem tiegħek.
    Filwaqt li huwa tajjeb li jkun hemm diskussjoni; filwaqt li huwa mistenni li ma jkunx hemm qbil unanimu f’kull deċiżjoni li tittieħed; filwaqt li huwa normali li wieħed jew aktar ma jkunux dejjem l-eku tal-Kap tal-partit; żgur mhux aċċettabbli t-tisbit tas-saqajn kontinwu, l-insulti lejn kollegi tiegħek fl-istess partit, it-theddid bil-vot u li jekk ma jsirx kif trid int, tkisser biex ma jsir xejn aktar.
    B’dispjaċir qed ninnota li din l-attitudni li tant għamlet ħsara lill-PN u lil Franco nnifsu qed tittieħed minn bosta, qisha l-influwenza fl-eqqel ta’ xitwa kiesħa. Dawra fuq Facebook tlaqqgħek ma’ bosta li qed jgħidu pubblikament li jekk il-kandidat favorit tagħhom ma jsirx Kap tal-partit se jirriżenjaw minn tesserati jew saħansitra ma jivvotawx iktar jew jivvotaw lil partit ieħor!
    Forsi qed jgħidu hekk minħabba s-sħana ta’ Luċifru jew għax tiela' xi ftit id-deni tal-kampanja elettorali jew għax għadna ġejjin minn telfa li ħalliet togħma ħażina ħafna. Allura jkun aħjar li dawn jixorbu xi ħaġa kiesħa, ipoġġu ftit għall-frisk tal-fan jew tal-aircondition u jekk qed iħossu li qed jinħakmu minn din l-influwenza, ifittxu t-tilqima għaliha.
    M’għandix dubju li wara ftit riflessjoni se jifhmu li l-partit mhuwiex biss il-Kap u li l-Kap mhuwiex il-partit. Se jifhmu wkoll li jekk ma jsirx il-Kap li jridu huma, żgur m’għandhomx iħallulu l-partit tagħhom biex jagħmel bih li jrid u li jogħġbu. Anzi, bil-maqlub, se jifhmu li se jkollhom jaħdmu iktar minn qatt qabel biex jiżguraw li l-partit jissaħħaħ u jerġa’ jirbaħ.
    U meta ngħid ‘jirbaħ’ m'iniex qed ngħid għall-elezzjonijiet. Ir-rebħ ta’ elezzjoni jew oħra mhux u qatt m’għandu jkun il-punt tal-wasla ta’ proġett politiku, iżda l-punt tat-tluq.
    Ir-rebħa l-kbira tal-PN ma kinitx l-elezzjoni tal-1962 imma l-kisba tal-Indipendenza sentejn wara. Ir-rebħa tal-1987 ma kinitx iċ-ċelebrazzjonijiet fit-toroq f’dawk il-jumejn ta’ Mejju, imma l-kisba tal-libertà u r-rivoluzzjoni li bidlet lil pajjiżna mill-qiegħ fis-snin ta’ wara. Ir-rebħa tal-2003 ma kinitx il-bnadar blu bl-istilel sofor f’idejn żewġ żgħażagħ jitbewsu, imma l-opportunitajiet li nkisbu għalihom u għal ġenerezzjoni wara oħra ta’ Maltin imwielda fl-Unjoni Ewropea.
    Pajjiżna, il-poplu tagħna, aħna u min ġej warajna għandna bżonn proġett politiku ġdid li jiftaħ il-bibien ta’ għada u jwassalna għal pitgħada.
    Ikun min ikun Kap tal-Partit Nazzjonalista x-xahar id-dieħel, jien se nkun qed naħdem miegħu fuq dan il-proġett. Se nagħmel l-almu tiegħi biex dan il-proġett ikun l-aħjar li nistgħu noħolmu u nwettqu għal dan in-nazzjon, għal dan il-poplu, kollu kemm hu.
    Nittama, nixtieq, li int tkun magħna wkoll.

    Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġenerali