Kemm għandna x’nitgħallmu u x’nagħmlu!

    Qisu din ix-xita li għadna kif kellna ġiet biex tiżgura li lkoll nidħlu fir-rutina tal-Ħarifa, hekk kif it-tfal bdew l-iskola, it-traffiku reġa’ żdied u l-ġurnata tkompli tiqsar. Qisu f'daqqa waħda l-iljieli twal tas-sajf kellhom malajr jintesgħu.
    Għal ħafna minna s-sajf jiġi biex naqtgħu ftit propju minn din ir-rutina ta’ xogħol u skola u ngawdu xi ftit; u ħafna drabi safra malajr tgħina nagħmlu dan. Dan is-Sajf, jien u r-raġel tiegħi żorna Barċellona; għalija kienet l-ewwel darba, għalih it-tieni d-darba wara ħafna żmien.
    Ma nafx jekk hemmx ħafna li huma bħali imma għalija, waħda mill-isbaħ partijiet ta’ kull safra hija l-ippjanar ta’ qabel – liema postijiet se nżuru, fejn ha mmoru nieklu u ovvjament ma jonqosx fejn ser noqgħodu. Iżda fil-kas tiegħi dan kollu jirrekjedi xi ftit ħsieb ukoll. Meta nsiefru nkun irrid niżgura li kemm il-ħotell kif ukoll il-kamra li ser inkunu ħa noqgħodu fihom huma aċċessibbli. Ħafna drabi l-informazzjoni provduta ma tantx tkun ċara u mhux l-ewwel darba li nċempel u jiżgurawni li l-ħotell aċċessibbli imbagħad ma tkunx bħal ma darba ġralna Pariġi u postijiet oħra; imma rrid blog ieħor għal dawn l-istejjer kollha, li xi kultant ikunu kemm tad-daħq kif ukoll tal-biki.
    Għal Barċellona ma kellna l-ebda minn dawn il-problemi. L-ewwel ħaga li laqtitni kienet l-assistenza fl-ajruport. F'kull ajruport li qatt żort, kemm fil-Ewropa kif ukoll oltre, dan is-servizz dejjem kien jismu 'Special Assistance', b'ħafna drabi b'dawn il-kliem ikunu miktubin fuq kull sidrija oranġjo li tara l-viżta t'għajnejk. Iżda mhux fl-ajruport ta Girona. F'dan l-ajruport, dan is-servizz kien jismu 'Sans Barreras' li bil-Malti tfisser 'L-Ebda Ostakli' għax wara kollox hekk għandu jkun.
    Imbagħad kull fejn żorna nnutajt li kien kullimkien aċċessibbli. Kull bankina kellha rampa minn kull naħa allura ma kien hemm l-ebda ċans li xi darba ħa titla’ u ma ssibx minn fejn tinżel bħallikieku wieħed jista’ faċilment b'xi mod itir minn fuq il-bankina. Barra minn hekk kull attrazzjoni turistika li żorna, kemm dawk popolari u anke dawk inqas popolari, kienu kollha aċċessibbli. Waħda mill-iktar attrazzjonijiet aċċessibbli kienet La Pedrera, dar residenzjali ddisinjata minn Antoni Gaudi. Malli ersaqna lejn l-entratura mill- ewwel ġejna avviċinati mill-istaff ta’ din l-istess dar u ġejna ggwidati lejn il-lift – l-istess lift li kien maħsub u iddiżinjat minn Gaudi stess fl-1906 u għalhekk huwa l-lift oriġinali li ġie mibni mad-dar. Hawnhekk ta min ngħid li l-istima tiegħi lejn Gaudi għal opri kbar tiegħu kompliet tikber mhux ftit.
    L-aċċessibbilità ma tonqosx fil-postijiet l-oħra moderni kollha li kienu ġew mibnija speċifikament għall-olimpijadi ta l-1992. Saħansitra anke l-bajjiet huma aċċessibbli u armati kemm bl-apparat kollu li huwa meħtieġ u anke b' 'walk way' biex jagħmilha iktar faċli biex wieħed jasal sal-baħar. Naħseb għandna x'nitgħallmu mhux ftit minn din il-belt popolari, speċjalment meta tqis li għalkemm għamilna xi ftit passi ‘l quddiem, l-aċċessibbilità f'Malta (u anke f'pajjiżi oħra) għada biss parzjali. Fost oħrajn, f'Malta għadek mistenni, jekk mhux mitlub, li jekk ħa tmur x'imkien u trid tuża t-trasport pubbliku trid iċċempel qabel jew tispera li l-karozza tal-linja li jmiss ħa tkun aċċessibbli għax dan mhux dejjem garantit. F'Malta jekk ħa tattendi kunċert għadek tkun mitlub li biex tixtri l-biljett ghal postijiet aċċessibli trid iċċempel u ma tistax taqbad u tixtri l-biljett minn fuq il-website bħal ħaddieħor. Barra minn hekk f'numru ta kunċerti, dawk li jużaw is-siġġu tar-roti huma mqiegħda fi spazju għalihom bħallikieku tmur kunċert jew tara logħba football biex toqgħod għalik waħdek u mhux biex tieħu gost ma sħabek. Għad baqgħalna x'nitgħallmu u x'nagħmlu mhux ftit! Nispera biss li xi darba naslu.