KAOS fis-saħħa mentali

    Ma jistax ikollok saħħa fiżika tajba, mingħajr ma jkollok saħħa mentali tajba. Il-bniedem, il-protagonista li dwaru miktub dan l-artiklu jista’ jkollu  saħħa mentali tajba meta jirrealizza x’inhuma l-abbiltajiet u l-isfidi tiegħu, u kif wieħed ikun kapaċi jlaħħaq mal-istress li toffri l-ħajja ta’ kuljum. Ma jistax ikollok saħħa tajba, jekk ma niddeskrivux is-saħħa mentali bħala l-abbiltà li wieħed ikun kapaċi jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu, u li kapaċi jgħix fis-soċjetà u jkollu relazzjonijiet pożittivi ma’ ta’ madwaru.

    Is-saħħa t-tajba tkun irnexxiet ukoll meta s-soċjetà tagħraf lil ħutna li għaddejjin minn din l-isfida ta’ saħħa mentali, u tikkopera magħhom.

    Imma donnu jispikkaw dawk il-ftit li biex idaħħqu jew biex jidhru aħjar huma; jispiċċaw jirredikolaw (anki fuq mezzi soċjali)  flok isiru ħbieb magħhom u   jgħinuhom fl-aħjar possibbli biex jiffunzjonaw sew f’aspetti differenti tal-ħajja, fosthom fuq il-post tax-xogħol, b’mod speċjali fil-familja, u f’relazzjonijiet soċjali oħrajn.

    Tidher ċara fejn hi l-prijorità tal-Gvern fejn tidħol is-saħħa mentali. Jekk wieħed isegwi l-manifest elettorali tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2017, liema manifest ġie msejjaħ bħala “l-Aqwa Żmien”, wieħed isib biss tliet punti qosra f’paġna 105, liema punti ma ħadmux fuqhom u ntremew fil-baħar għax, fl-Aqwa Żmien is-saħħa mentali spiċċat fil-ġenb.  Għax dak li jiġri meta kollox idur madwar persuna waħda.  Wara r-rebħa fl-2017, imur ras kbira minn Kastilja fuq il-Ministru magħżul, (liema ras kbira li tkun ħadmet weħidha fuq il-manifest elettorali) u jgħidlu, “Hawnhekk għandek it-To Do list.  Mexxi.”  U l-Ministru jkollu jmexxi mingħajr ebda pjan. Meta jkun hemm nuqqas ta’ pjan dak li jiġri.

    Meta l-għan aħħari tiegħek ikun il-kilba għall-poter dak li jiġri.

    Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jingħataw dan il-programm (insomma dawn il-ftit punti mżejna bi kliem fieragħ) minn persuna li kienet ferm influwenti u importanti f’Kastilja, u dir-ras kbira tgħidlek “imxi fuq dawn u mur implimentahom.” Għidli int mingħajr studju u pjan, kif wieħed jista’ jimplimenta dawk il-prinċipji u punti li tal-lejber bellgħulna qabel l-2017, basta jieħdu l-poter f’idejhom. Qed nislet hawn taħt dawn it-tliet punti marbuta mas-saħħa mentali u nħalli l-ġudizzju tagħkom sabiex taslu għall-konklużjonijiet waħedkom.

    • Nagħtu prijorità ġdida u kontinwità lis-saħħa mentali. Irridu li ma nħallux din il-problema terfa’ rasha u tkompli tikber, għalhekk inkomplu bil-ħidma fit-twettiq ta’ Pjan u Strateġija Nazzjonali għal dan is-settur sensittiv.
    • Bħala parti mill-investiment fil-faċilitajiet mediċi nibnu sptar ġdid tal-kura psikjatrika qrib Mater Dei. F’Monte Karmeli nagħmlu l-investiment meħtieġ f’ambjent modern u li jixraq lil pazjenti li għandhom bżonn kura fit-tul.
    • Nagħtu spinta wkoll lill-kura fil-komunitajiet kemm permezz ta’ żieda fis-servizzi mogħtija kif ukoll f’investiment f’aktar Sheltered Hostels.

    Tajjeb li tkun taf li ftit tal-ġranet ilu għalqu s-Psychiatric Out Patients ta’ Mater Dei u l-pazjenti li kienu jattendu hemm  se jispiċċaw jattendu fil-ħames Community Mental Health Clinics. Tajjeb li tkun taf li s-Psychiatric Out Patients għalaq minħabba li d-Dermatology Clinic kellhom bżonn post minn fejn ikunu jistgħu jaħdmu.  Dik serjetà!  Tas-Psychiatric Unit qalulna li din għalquha biex tkun tista’ tinfetaħ sala għall-Covid-19. Qalulhom ukoll li se tkun on loan?!  U kif drajna jsir dawn l-aħħar seba’ snin,  pjan konkret ma sarx qabel naqsu dawn is-servizzi.

    Biex tpoġġi ċ-ċirasa fuq il-kejk il-frontliners li jaħdmu fil-Community Mental Health Services mhux qegħdin jiġu infurmati mill-ewwel b’dan kollu li għaddej minn taħt, sar minn minn kollox biex jekk jista’ jkun ma nagħtux fil-għajn. Barra minn hekk sar dak li jgħidulu Mental Health Strategy Plan 2020-2030 li sfortunatament minn dan kollu mhu qed isir xejn.

    Is-soluzzjoni hija li l-Gvern jiftaħ tliet Mental Health Clinics oħra biex ilaħħqu mad-domanda kbira li sfortunatament din l-isfida qiegħda dejjem tgħolli rasha. Barra minn hekk tajjeb li jdur dawra sew mal-ħames Mental Health Clinics li kien fetaħ Gvern Nazzjonalista fejn hemm nuqqas kbir ta’ spazju kemm għal min jaħdem hemm,  kif wkoll għall-pazjenti u għall-miżuri marbuta mal-Covid-19, l-aktar minħabba  s-social distancing.

    Aktar minn qatt qabel jeħtiġilna nħarsu s-saħħa mentali tas-soċjetà tagħna.

    Saħħa mentali tajba tagħtina l-abbiltà li niffaċċjaw id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom kif ukoll dawk il-kriżijiet u sfidi li l-ħajja taf tagħti. Li nistennew li ngħixu l-ħajja bla diffikultajiet mhix realtà, għalhekk ikun ferm aħjar jekk il-Gvern bil-fatti juri li l-Aqwa Żmien għas-Saħħa Mentali ssir meta pajjiżna jkun preparat għal kull eventwalità li tista’ tinqala’, kif fil-fatt ġara.

     

    Ivan Bartolo MP huwa kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali.