Kane

    Ilkoll smajna bl-istorja ta’ Kane, tifel ċkejken li għandu tlett snin u li seraq qlub il-Maltin u l-Għawdxin. Kane għandu tumur. It-tfajjel irċieva kura f’Malta iżda issa kellu bżonn ukoll kura fl-Ingilterra u infatti fl-aħħar jiem hu tela’ l-Ingilterra biex sarlu intervent.

    Ta’ suċċess l-operazzjoni taċ-ċkejken Kane

    Il-familja ta’ Kane sabet is-sapport ta’ Puttinu Cares kif ukoll appoġġ mill-Malta Football Association li kienet nediet skema ta’ ġbir ta’ fondi mill-biljetti tal-grawnd. Kane huwa sapporter kbir tat-tim Floriana FC.

    L-istorja ta’ Kane tfakkarna kemm irridu niġġieldu b’mod qawwi kontra l-kanċer. Il-kanċer fit-tfal hu f’xi waqtiet rari. Għaldaqstant il-kura f’dan il-qasam hi aktar komplessa minn każi oħra ta’ kanċer. Hu għalhekk li fil-Parlament Ewropew qed ngħidu li rridu nirdupjaw il-fondi Ewropej għar-riċerka fuq il-kanċer b’mod speċjali fost it-tfal għaliex ir-riċerka hi ċ-ċavetta biex insibu kura u mediċina neċċessarja. Irridu iżda wkoll aktar kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi madwar l-Ewropa. Pajjiż waħdu ma jistax isib soluzzjoni iżda konvinti li flimkien nistgħu negħlbu l-kanċer.

    L-istorja ta’ Kane tfakkarna wkoll fil-ħidma ta’ bosta għaqdiet tal-kanċer li nsibu f’Malta li jagħmlu xogħol imprezzabli. Dawn l-NGOs bħal Puttinu jaħdmu kemm waqt kif ukoll wara li wieħed jirriżulta li għandu l-kanċer u joffru support kemm lill-pazjenti kif ukoll lit-tfal tagħhom u lill-qraba tagħhom. Irrid nerġa nieħu l-opportunita biex nirringrazzjħom tal-ħidma ġeneruża u nobbli tagħhom. Fil-Parlament Ewropew jien naħdem fi ħdan grupp ta’ MEPs kontra l-kanċer u hawn fost l-oħrajn qed naħdmu sabiex l-għaqdiet tal-kanċer ikunu aktar involuti fit-tfassil tal-politika Ewropea tal-kanċer. Grazzi għas-support li sibt mill-eċċelenza tagħha l-President tar-Republika ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, għaqdiet Maltin li huma membri tal-Malta Cancer Platform ha jissieħbu mal-European Cancer League li fi ħdana hemm l-għaqdiet tal-kanċer madwar l-Ewropa. Dan hu ta’ importanza biex l-għaqdiet Maltin jissaħħu b’aktar għarfien favur servizzi mill-aqwa għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.

    Il-kanċer jolqot hafna nies f’Malta. Sfortunatment għandna 2,000 każ ġdid kull sena u 900 imwiet. Ma nistaghux ma nagħmlu xejn fuq livell Ewropew. Flimkien verament nistgħu nilħqu l-mira ambizzjuza li f’20 sena negħlbu l-kanċer. Irrid iżda nagħlaq billi nagħmel kuraġġ lil Kane u lill-familja tiegħu kif ukoll il-tfal oħra u l-familji tagħhom li għadejjin minn żmien diffiċli. Il-poplu Malti u Għawdxi warajkom.